Knisja Kultura Lokali

Il-Banda Peace tan-Naxxar tiċċelebra 30 sena Kummissjoni Żgħażagħ

Din is-sena, il-Kummissjoni Żgħażagħ tal-Banda Peace qed tiċċelebra t-30 anniversarju mit-twaqqif tagħha. Din kienet l-ewwel Kummissjoni Żgħażagħ imwaqqfa fin-Naxxar u minn dejjem kienet forza ta’ enerġija ġdida, ideat friski u inizjattivi innovattivi fil-qalba tas-Soċjetà Banda Peace.

Għal din l-okkażjoni saret it-tema “Dejjem Żgħażugħa”, li tirrifletti l-ispirtu ħaj u l-mentalità progressiva li żammet il-Banda Peace tul dawn il-163 sena storja glorjuża tagħha.

Il-qofol tal-anniversarju jasal bl-akbar marċ fin-Naxxar, nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Settembru, mimli sorpriżi, briju, nar tal-art u spettaklu tan-nar tal-ajru minn fuq il-bejt storiku ta’ Palazzo Vittorja, sinkronizzat mal-mużika. Il-mument ewlieni tal-lejla jkun meta titla’ l-istatwa ta’ Marija Bambina fil-gallarija tal-każin.

Is-Soċjetà Banda Peace tixtieq tagħti l-awguri tagħha lin-Naxxarin kollha għal festa mimlija ferħ u devozzjoni, u tistieden lil kulħadd biex jingħaqad f’dawn il-mumenti ta’ briju, tradizzjoni u fidi f’ġieħ Marija Bambina.