Lokali

Il-GWU tirreġistra tilwima industrijali ma’ Carlo Gavazzi

Il-General Workers’ Union (GWU) illum irreġistrat tilwima industrijali formali ma’ Carlo Gavazzi Limited. Dan wara li ġie żvelat il-pjan imminenti tal-kumpanija li ġġib ħaddiema barranin f’Malta għal handover tal-operat, minkejja li għadu ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar pakkett ta’ sensji għall-ħaddiema Maltin attwali. 

Il-union ikkundannat din il-mossa bħala att ta’ mala fede li jippreġudika fundamentalment in-negozjati li għaddejjin.

Il-kumpanija qed tħejji biex tittrasferixxi l-impjiegi tal-ħaddiema Maltin tagħha, li ilhom iservu għal snin twal, lejn l-impjanti tagħha fil-Messiku u ċ-Ċina, u issa qed tipprova tuża lil dawk l-istess ħaddiema biex tiffaċilita dan il-proċess qabel ma tkun assigurat il-futur tagħhom.