Il-Malti jgħid li ‘min ma jilħaqx l-għeneb jgħid li hu qares’ u hekk għamel, fil-mod ta’ kif tkellem fil-konferenza stampa ta’ qabel il-partita tal-lejla f’Kaunas, il-kowċ tat-tim nazzjonali tal-Litwanja, Edgaras Jankauskas.
L-eks plejer ta’ dan l-istess pajjiż, u li llum għandu 50 sena, għamel minn kollox biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu bħala kowċ, hekk kif l-aħħar riżultati miksuba mil-Litwanja poġġewħ taħt pressjoni kbira mil-partitarji. Taħt Jankauskas, il-Litwanja ilha 11-il logħba konsekuttiva ma tirbaħ u f’Ġunju li għadda, wara d-draw kontra Malta f’Ta’ Qali, deher evidenti li kien hemm rabja u frustrazzjoni fil-klan tat-tim nazzjonali Litwanjan, daqslikieku r-riżultat miksub kien dimertu tagħhom. Tant li wara d-draw ta’ mingħajr gowls kontra Malta, f’partita valida mill-Grupp ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2026, il-Litwanja rari jew qatt ma tat mertu għall-perseveranza u l-progress li għamlet Malta.
“Kontra Malta, f’Ġunju li għadda, kellna 60 minuta tajibin ħafna iżda kien tort tagħna li ma ħadniex vantaġġ, u lejn l-aħħar tal-logħba spiċċajna nbatu u nsofru l-pressjoni,” qal il-kowċ tal-Litwanja.
Mingħajr ma jirrikonoxxi l-aspetti pożittivi tal-avversarji Maltin, u mingħajr m’għamel referenza lanqas li fil-bidu ta’ dan l-istaġun kellna liċ-champions Maltin, Ħamrun Spartans li eliminaw liċ-champions tal-Litwanja, Zalgiris Vilnius fl-ewwel stadju tal-UEFA Champions League (konferma li jeżisti bilanċ fil-futbol bejn iż-żewġ pajjiżi, anke jekk din tidher li qed tweġġa’ lill-istess dilettanti tal-futbol fil-Litwanja), Jankauskas qed ibassar li dik tal-lejla se tkun logħba diffiċli.
Iżda l-ironija fil-kummenti ta’ Jankauskas kien meta tkellem dwar il-politika tal-Maltin, li jintroduċu fl-iskwadra plejers ta’ dixxindenza Maltija, u li jkunu ta’ livell aħjar mill-Maltin, mingħajr ma jgħid il-veritá kollha tal-istorja.
Viżibbilment frustrat għaliex ma jistax jaċċetta r-riżultati li riċentament kellna kull darba li t-tim nazzjonali tal-Litwanja jew klabbs minn dan il-pajjiż lagħbu kontra l-Maltin, Jankauskas kellu l-ardir jgħid li “l-unika vantaġġ li Malta għandha fuq il-Litwanja hi li tista’ tistrieħ fuq leġiżlazzjoni ħafna aktar faċli fir-rigward tal-għoti ta’ passaport lil plejers ibbażati barra l-pajjiż.”
Irrelevanti mill-fatt jew il-partitarju tal-futbol Malti, ma jaqbilx jew le ma’ din il-politika tal-MFA, li qed jieħdu vantaġġ minnha l-biċċa ‘l kbira tal-pajjiżi madwar id-dinja u dejjem skont ir-regolamenti tal-FIFA, Jankauskas attakka lil Malta dwar dan.
Hu qal “Għal Malta, it-triq hija aktar faċli milli għalina fir-rigward ta’ kif jingħataw iċ-ċittadinanza doppja.”
B’referenza għall-inklużjoni ta’ żewġ plejers ta’ nisel Malti, u li l-passaport Malti ngħata lilhom mhux bil-mertu iżda bi dritt għax għandhom dixxindenza Maltija, ċioé Irvin Cardona u Jake Brimmer, Jankauskas qal li dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet juru biċ-ċar li “ix-xewqa tal-Maltin hi jfittxu plejers minn barra ‘l pajjiż biex jgħinu lit-tim nazzjonali tagħhom.”
Jankauskas tkellem daqslikieku Malta qed tagħmel xi ħaġa li tmur kontra r-regoli, iżda ma qalx li jekk f’Malta, pereżempju, biex ‘barrani’ (mhux xi ħadd b’dixxindenza Maltija) jingħata l-passaport Malti jekk ikun ilu ħames snin jgħix fil-pajjiż, fil-Litwanja l-liġi tagħhom tagħmilha diffiċli biex jattiraw dawn il-plejers għaliex trid tkun ilek għaxar snin sħaħ tgħix fil-pajjiż tagħhom. Għal xi raġuni Jankauskas għażel li ma jgħidx dan u qal nofs veritá.
Bl-istess mod, Jankauskas ta l-impressjoni li hu u l-FA tal-Litwanja hi kontra dan it-tip ta’ strateġija meta dan mhuwiex il-każ. Fil-konferenza stampa tal-bieraħ, Jankauskas ma tkellimx dwar il-famuż każ fil-Litwanja, meta l-eks plejer mill-Afrika t’Isfel u b’dixxindenza mil-Litwanja, Larry Cohen ingħata l-passaport u ċ-ċittadinanza Litwanjana bl-objettiv li jkun jista’ jilgħab għat-tim nazzjonali tagħhom.
Dan il-każ kien seħħ fl-2014, iżda l-FIFA kienet irrifjutat l-applikazzjoni tal-federazzjoni tal-Litwanja, sforz il-mod ta’ kif jinħarġu l-passaporti mil-Gvern tal-pajjiż. Din il-proċedura ma tirreferix għal min ma jkollu ebda rabta mal-pajjiż u jkun irid jixtri l-passaport bħal fil-każ ta’ Malta jew jinħariġlu passaport skont il-liġi li għandha Malta tal-għoti ‘taċ-ċittadinanza bil-mertu’, iżda għal min għandu dixxindenza Litwanjana iżda jkun għadu jrid jikseb iċ-ċittadinanza Litwanjana. Il-proċess burokratiku li għandu l-istat Litwen, ma jaġevolax l-għoti tal-passaport biex atleta jkun jista’ jikseb iċ-ċittadinanza doppja sabiex jirrappreżenta lill-Litwanja.
Jankauskas ma qal xejn minn dan u jekk ma tkunx taf, taħaseb li Malta, irrelevanti mill-fatt li wieħed jista’ jkollu opinjoni kontra l-għoti ta’ dawn il-passaporti, qed tagħmel xi ħaġa rregolari meta dan mhuwiex il-każ, isir minn diversi pajjiżi oħra u hu proċess li hu konformi mar-regolamenti tal-FIFA.
Kien ikun aħjar kieku Jankauskas, flok jipprova jiġġustifika s-saħħa tal-Maltin, jgħid il-veritá kollha, inkluż li l-FA li jirrappreżenta ppruvat tagħmel l-istess fil-passat iżda ma waslitx sforz il-liġijiet li hemm fil-Litwanja.
Jankauskas qal li Malta kompliet iġġib aktar plejers ġodda, u prova jixhet dubju kemm dawn għandhom rabta familjari ma’ pajjiżna. Anke hawnhekk, Jankauskas kien inġust fil-mod ta’ kif tkellem.
“Għal din il-logħba, Malta ġabet attakkant minn Saint-Etienne (Irvin Cardona), li huwa plejer ta’ livell għoli, imwieled fi Franza. Ma nafx jekk in-nanna jew il-bużnanna tiegħu għandhomx xi rabtiet ma’ Malta,” tenna Jankauskas.
Kumment bħal dan kompla juri l-frustrazzjoni li għaliex il-liġijiet ta’ pajjiżu ma jippermetux li hu jagħmel l-istess, bħal ħafna pajjiżi oħra madwar id-dinja, il-kowċ tal-Litwanja prova jirredikola ċ-ċittadinaza ta’ Cardona, f’dan il-każ. B’daqxejn riċerka, Jankauskas kien jasal għar-risposta li staqsa hu stess. Cardona għandu n-nannu tiegħu Malti u bl-istess mod, Brimmer għandu dixxindenza Maltija. Dawn iż-żewġ plejers ingħataw il-passaport Malti bi dritt u mhux għax xtrawh jew bil-mertu.
Biex ikunu qed ngħidu kollox hemm plejers fit-tim nazzjonali li m’għandhom ebda rabta ma’ Malta u l-passaport kien mogħti lilhom wara li kienu llhom ħames snin residenti f’Malta, iżda biex dan jiġri fil-Litwanja, il-plejer mixtieq minn Jankauskas irid ikun ilu għaxar snin sħaħ residenti fil-Litwanja. Dan mhux tort ta’ Malta iżda tort tal-liġi f’pajjiżu.
Waqt l-istess konferenza stampa, Jankauskas għamel premessa oħra, “għada se naraw it-tim nazzjonali li mdorrijin bih – jilgħab futbol sabiħ u jiġġieled sabiex jirbaħ.”
Jista’ jagħti l-każ li l-premessa ta’ Jankauskas iseħħ, iżda li hu żgur hu li dak li qal dwar kif fl-isport Malta tagħti ċ-ċittadinanzi doppji, Jankauskas kien skorett għall-aħħar, jew għadu ma jistax jaċċetta d-draw miksub f’Ġunju li għadda f’Ta’Qali u li ċ-champions ta’ pajjiżu kienu eliminati mill-UEFA Champions League miċ-champions ta’ Malta.
//= $special ?>