Lokali

Il-Malta Chamber tippreżenta l-Pre-Budget Document għall-2026

Appell kontra l-kultura ta’ klijentaliżmu u korruzzjoni

Żmien li nieħdu azzjoni – hija din it-tema tal-Kamra tal-Kummerċ hekk kif preżentat il-Pre Budget Document tagħha, fejn qed tappella lill-Gvern sabiex jindirizza l-isfidi maġġuri li pajjiżna qed iħabbat wiċċu magħhom fosthom; kompettitività, popolazzjoni, reputazzjoni, il-produttività, l-ippjanar u l-kostruzzjoni – flimkien ukoll ma’ aktar infurzar u governanza tajba.

Intqal kif dan kollu qed jaffettwa fin-negattiv il-kwalità u l-benesseri taċ-ċittadin; għaliex filwaqt li rrikonoxxiet it-titjib li sar, xorta waħda għad hemm ħafna xi jsir.

Il-President taċ-Chamber, William Spiteri Bailey sostna li bħala Kamra tal-Kummerċ resqet ‘il quddiem mal-mitejn proposta b’47 minnhom qed jitqiesu bħala prijorità assoluta.

Il-Kap Eżekuttiv taċ-Chamber, Marthese Portelli insistiet li f’pajjiżna ma jistgħux jibqgħu jittieħdu nofs miżuri u li l-investitur barrani jrid ikun ċert li qed jinvesti flusu fis-sod.

Il-Kamra tal-Kummerċ, għal darb’oħra ngħaqdet mal-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista sabiex il-Gvern jieqaf jintaxxa l-għajnuna tal-COLA.

Fost oħrajn f’dan id-dokument isemma’ l-bżonn li tinħoloq Industrial Policy aktar aġġornata maż-żminijiet, fost oħrajn li tiġi indirizzata l-kwistjoni tat-trasport – hekk kif l-ispejjeż b’rabta ma’ dan is-suġġett u n-nuqqas ta’ trasport pubbliku adegwat f’dan il-qasam għandu rwol importanti.

Intant, intqal kif il-kultura ta’ klijentaliżmu f’pajjiżna trid tinqata’ hekk kif inevitabbilment iżżid l-ineffiċjenza u n-nuqqas ta’ trasparenza…li jridu jiġu eliminati.

Il-Malta Chamber spjegat li s-sussidju tal-enerġija għandu jieqaf b’mod gradwali u jingħata minimu ta’ 6 xhur pre-avviż qabel dan isir… bil-għan li l-konsum jibda jonqos u tintuża ħafna aktar l-enerġija rinnovabbli.

Fost affarijiet oħra l-Kamra tal-Kummerċ spjegat li hemm nuqqas ta’ rieda li tingħaraf l-eżistenza tal-korruzzjoni f’pajjiżna li taf is-sors tagħha minħabba fost oħrajn inkompetenza jew involviment personali.

Finalment il-Kamra tal-Kummerċ qed tipproponi li jiġu ntrodotti ħlasijiet għal parkeġġi f’ċertu żoni u bliet.

Il-Kamra tal-Kummerċ temmet tgħid li l-użu tat-taxxi tal-poplu għandu jkun aktar responsabbli, u li l-investiment kapitali għandu jingħata prijorità. Marthese Portelli saħqet li l-burokrazija żejda għandha tinqata u l-infurzar għandu jiġi msaħħaħ u jkun aktar proattiv. Filwaqt li ġie apprezat li t-triq ‘il quddiem mhux xi waħda faċli, il-ġejjieni tal-pajjiż jiddependi fuq il-kuraġġ ta’ uħud; kuraġġ biex l-azzjoni tittieħed b’mod deċiżiva u immedjata.