Il-Partit Laburista qed ikompli juri kif mhux kapaċi jmexxi anke fuq livell lokali, tant li mhux jirnexxilu jżomm flimkien kunsillieri tiegħu fejn rebaħ maġġoranza.
Dan għaliex minflok jappoġġja lill-kunsillieri tiegħu, il-Labour idawwarhom kontrih.
Xhieda ta’ dan huwa dak li ġara fl-aħħar sigħat anke f’Tal-Pietà fejn il-Partit Laburista tilef il-maġġoranza wara r-riżenja ta’ kunsillier tiegħu li ddikjara ċar u tond li mhux qed jaqbel mal-mod kif qed jitmexxa l-pajjiż.
Ryan Douglas Tanti, li issa se jkun kunsillier indipendenti, qal li r-riżenja minn kunsillier tal-Labour minħabba t-triq li fiha sejjer il-pajjiż u kompla li mhux qed jara li d-direzzjoni li qed jieħu l-Gvern hi t-triq it-tajba, b’żgħażagħ bħalu qed ikollhom jitbagħlu biex forsi jkollhom żewġt ikmamar u jsejħulha dar.
Raġuni oħra li Tanti ta għar-riżenja tiegħu kienet li l-Partit Laburista qed jipprova jdaħħal l-abort mit-tieqa.
Hu temm il-kitba tiegħu fil-midja soċjali billi qal li jħoss li bir-riżenja tiegħu se jibgħat messaġġ biex jiftaħ għajnejn kulħadd li partit politiku qiegħed hemm għall-interess tal-poplu Malti, u mhux tiegħu nnifsu u ta’ sħabu.
Dak li ġara lbieraħ juri b’mod ċar kemm il-Labour jinteressah biss il-poter, u aktar hu ffukat jattakka lin-nies tiegħu minflok jaħdem fl-interessi tan-nies ta’ Tal-Pietà u Gwardamanġa.
Huwa wkoll turija tal-kaos li għandu l-Partit Laburista fil-qasam tal-kunsilli lokali, b’dan il-każ jiżdied ma’ dak li qed jiġri f’postijiet oħra fejn il-Labour għandu maġġoranza, bħall-Fgura, l-Imqabba u l-Qala Għawdex.
Ir-residenti ta’ Tal-Pietà u Gwardamanġa jistħoqqilhom aħjar minn hekk. Jistħoqqilhom tmexxija serja bħalma kellhom meta f’Tal-Pietà kien hemm maġġoranza Nazzjonalista u r-residenti gawdew bil-bosta.
Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà mal-kunsillier Ryan Douglas Tanti għall-mod kif ġie trattat mill-Partit Laburista u jtenni li dak li għamel juri kif dejjem aktar nies, anke Laburisti stess, qed jindunaw li l-pajjiż taħt Robert Abela u sħabu miexi fid-direzzjoni l-ħażina.
//= $special ?>