Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna t-theddid tad-Delegat Speċjali ta’ Robert Abela, Jason Micallef, fil-konfront ta’ ġurnalista għax sempliċiment semmgħet leħinha, kif qed jagħmlu ħafna oħrajn, dwar l-isfreġju mwettaq fil-picnic area f’Ta’ Qali.
Għax sempliċiment għamlet mistoqsijiet leġittimi dwar kif din i-zona ħadra tant imfittxija għar-rilassament mill-familji f’Ta’ Qali ġiet miksija biż-żrar f’filmat li rrekordjat fuq il-post, il-podcaster Trudy Kerr spiċċat fil-mira ta’ attakk minn Jason Micallef li qed jheddidha li jfittixha fil-Qorti wara li għajjarha falluta u falza.
Il-PN jesprimi solidarjetà sħiħa ma’ Trudy Kerr u mal-ħafna oħrajn li qed jiġbdu l-attenzjoni fuq il-midja soċjali dwar dak li ġara f’Ta’ Qali, u li Jason Micallef qed jgħajjarhom “bullies tal-midja soċjali li l-Gvern qed jibża’ jiqfilhom u li spiċċa żmienhom”.
Il-PN jistenna li minflok Abela jipprova jiġġustifika billi jgħidilna li din il-kontroversja nqalgħet minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni, jikkundanna din l-intimidazzjoni minn Jason Micallef, li apparti li jmexxi l-management tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali, l-istess Abela ħatru bħala delegat speċjali responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm elettorali.
Ironikament dan l-attakk ta’ Jason Micallef – li huwa wkoll Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta – wasal fl-istess ġurnata meta l-Prim Ministru Robert Abela tgħidx kemm ftaħar dwar ir-rekord tal-gvern tiegħu bħala paladin tal-ġurnaliżmu u l-libertà tal-kelma waqt attività li tiċċelebra d-90 sena mit-twaqqif tat-Times of Malta.
Għal Jason Micallef, il-fatt li wieħed mill-akbar spazji miftuħa li fadlilna f’pajjiżna nkesa biż-żrar, mhu xejn ħlief “Fake News” u huwa riżultat tal-fatt li hawn min qed jgħir għall-“istorja ta’ suċċess” tal-picnic area f’Ta’ Qali.
Imma jidher ċar li dawk kollha li qed jitkellmu fuq il-midja soċjali u s-6,000 ruħ li ffirmaw il-petizzjoni qabel il-protesta li se jagħmlu fuq il-post numru ta’ attivisti żgħażagħ nhar is-Sibt li ġej jaħsbuha mod ieħor.
//= $special ?>