Dokumenti ffalsifikati. Persuni ta’ periklu f’ċellel ma’ persuni vulnerabbli. U tmexxija tal-ħabs li ddawwar wiċċha quddiem dawn il-prattiċi.
Huma dawn l-allegazzjonijiet serji li saru fil-konfront tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minn infermier li kien jaħdem f’din l-istess faċilità, u li issa ġie trasferit fil-Forensic Unit ta’ Monte Carmeli.
F’filmat ta’ aktar minn 17-il minuta, ippubblikat ftit tal-jiem ilu – Federico Livi li hu infermier – allega li t-tmexxija tal-Ħabs ta’ Kordin flimkien mal-professjonisti mediċi qed jonqsu fix-xogħol tagħhom.
Il-ġrajja tmur lura xhur. U Livi qed jallega li t-tmexxija tal-ħabs allegatament kienu mgħarfa li l-priġunier Vuk Milic – s-Serb li qed ikun akkużat li qatel lill-priġunier Jesmond Gatt fil-Forensic Unit f’Monte Carmeli – huwa perikoluż. Bl-akkuża tkun li ftit jiem qabel ma qatel lil Gatt huwa kien diġa’ ipprova joqtol priġunier ieħor f’Division 4.
Skont Livi, minkejja dan ir-riskju, Milic tpoġġa’ f’ċella ma’ Gatt, bir-riżultat li dan l-istess Milic qatel lil Jesmond Gatt. Aħbar li oriġinarjament kienet ġiet spjegata mid-Direttur tal-Ħabs Chris Siegersma, bħala inċident. Iżda mbagħad, Milic kien ammetta illi kien hu li wassal għall-mewt ta’ Gatt.
L-infermier, allega wkoll li saru numru ta’ irregolaritajiet mit-tmexxija tal-Ħabs b’rabta ma’ dokumenti mediċi li jaċċertaw it-trolley li jinuża meta sseħħ emerġenza – u li fih ikun hemm apparat mediku u anke mediċini li jistgħu iżalaw persuna.
Livi allega illi t-trolley qatt ma kien qed jiġi iċċekjat, dan minkejja li dan suppost isir b’mod regolari. Madanakollu, huwa qal li kienu bosta d-drabi li tkellem kemm mal-infermier li jmexxi l-klinika tal-ħabs, kif ukoll mad-Direttur Siegersma – iżda, skont Livi huwa kien injorat.
Net News ikkuntatja lid-Direttur tal-Ħabs Christopher Siegersma, sabiex issir spjegazzjoni dwar il-każ ta’ Vuk Milic. Fejn din il-kamra tal-aħbarijiet staqsiet jekk hux minnu li Milic kien diġa’ pprova joqtol persuna oħra fil-ħabs…u jekk dan huwa veru, kif tpoġġa’ ma’ priġunier ieħor.
Id-Direttur tal-Ħabs spjega li l-filmat li fih qed isiru dawn l-allegazzjonijiet qed ikun investigat mill-Pulizija flimkien ma’ dokumenti – li skont Siegersma – juru l-kontra ta’ dawn l-allegazzjonijiet. Huwa tenna li l-Aġenzija Korrettiva qed tieħu dawn l-allegazzjonijiet b’mod serju, u għaddejja investigazzjoni bl-għajnuna tal-istess Aġenzija
//= $special ?>