Lokali

Is-Sindku Laburista tal-Imqabba tinjora talba għal laqgħa urġenti tal-kunsill wara l-kummenti dispreġjattivi tal-Viċi Sindku dwar in-nisa

Marie Grace Zerafa għadha lanqas biss ikkundannat il-kummenti tal-Viċi Sindku; talba għal laqgħa b’urġenza mill-kunsillieri tal-PN tibqa’ bla risposta. Il-PN iressaq Mozzjoni u jibqa’ jinsisti għar-riżenja ta’ Jonathan Dingli

Is-Sindku Laburista tal-Imqabba Marie Grace Zerafa qed tibqa’ tinjora talba tal-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista biex issejjaħ laqgħa b’urġenza tal-Kunsill Lokali tal-Imqabba dwar il-każ tal-Viċi Sindku Laburista Jonathan Dingli li għadda kummenti dispreġjativi fil-konfront tan-nisa meta qal li n-nisa jħobbu jissawtu.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-kunsill, il-Minority Leader tal-PN fl-Imqabba Noel Galea u l-kunsillier tal-PN Owen Sciberras spjegaw kif filwaqt li t-talba tagħhom biex il-kunsill jitlaqqa’ b’urġenza ma ġietx aċċettata u baqgħu bla risposta mingħand is-Sindku, l-istess Sindku għadha lanqas ikkundannat il-kummenti li għadda l-Viċi Sindku tagħha fuq il-media soċjali.

Il-kunsillieri tal-PN, li kienu akkumpanjati mid-Direttur tal-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista Emvin Bartolo, qalu li huma għadhom qed jistennew li s-Sindku Laburista, anke bħala mara, tikkundanna b’mod kategoriku lill-Viċi Sindku Jonathan Dingli u l-kummenti li għadda, u sakemm ma tagħmilx dan, tkun qed tonqos fl-interess tal-kunsill u l-kunsillieri tal-Mqabba.

Il-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista qed jitolbu li ssir laqgħa b’urġenza biex il-kunsill jiddiskuti l-pożizzjoni tiegħu u x’passi se jittieħdu biex tkun salvagwardjata r-reputazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Imqabba u l-membri tiegħu.

Fin-nuqqas ta’ azzjoni mis-Sindku tal-Imqabba, il-kunsillieri tal-PN fl-Imqabba llum stess ressqu Mozzjoni biex tiġi diskussa fil-laqgħa li jmiss tal-kunsill lokali – Mozzjoni li tistieden lill-kunsillieri lokali kollha biex juru d-diżapprovazzjoni tagħhom għal dak li kiteb il-Viċi Sindku tal-lokalità u ssejjaħ għar-riżenja tiegħu minn Viċi Sindku u kunsillier biex il-kunsill ma jibqax imtappan bid-dell tal-kummenti li għadda. Il-Mozzjoni tikkundanna l-kummenti ta’ Jonathan Dingli u tgħid ukoll li l-kunsill lokali qed jiddiżassoċja ruħu minn dawn il-kummenti waqt li tesprimi solidarjetà mal-vittmi tas-swat u ta’ kull forma ta’ vjolenza.

Noel Galea spjega kif hu u l-kunsillier Owen Sciberras għamlu xejn inqas minn erba’ talbiet lis-Sindku permezz ta’ emails, fil-25, is-26, it-28 u t-30 ta’ Awwissu biex tiġi msejħa laqgħa b’urġenza, imma l-unika risposta li ngħataw kienet li Marie Grace Zerafa kienet infurmata li l-Viċi Sindku Jonathan Dingli għamel apoloġija.

Minkejja dawn it-talbiet, is-Sindku għadha sa issa mhix taċċetta li ssejjaħ il-laqgħa mitluba u ma kien hemm l-ebda kundanna min-naħa tagħha għall-kummenti dispreġjativi fil-konfront tan-nisa, kemm bħala Sindku kif ukoll bħala mara.

Dan kollu, qalu l-kelliema, juri kemm is-Sindku u l-Viċi Sindku huma insensittivi, u qed juru arroganza lejn persuni li għaddew mis-sofferenza ta’ kull forma ta’ vjolenza domestika. Li wieħed iħarbex forma fjakka ta’ apoloġija, jew jipprova jgħatti għemilu billi jħabbar li se jagħti b’donazzjoni parti mill-onorarja, jew li s-Sindku tibqa’ ma tikkundannax dan il-kliem – li kien ikkundannat fost l-oħrajn mis-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza, mill-Kummissarju Kontra l-Vjolenza Domestika, u minn diversi għaqdiet tan-nisa u NGOs jew organizzazzjonijiet oħrajn – mhuwiex aċċettabbli.

Huma fakkru li Jonathan Dingli ma tkellimx f’ismu biss personalment, imma bħala Viċi Sindku tal-Partit Laburista u bagħat messaġġ fost in-nies li ma jimpurtax li tinsulenta persuni oħra, basta mbagħad titlob skuża.

B’din l-attitudni, kemm il-Viċi Sindku – bħala l-awtur tal-kummenti, u wisq aktar is-Sindku bħala uffiċjal pubbliku – li ma kkundannatux, qed jonqsu mid-dmirijiet tagħhom skont il-kodiċi tal-etika bħala rappreżentanti eletti tal-gvern lokali. Min-naħa tagħha, is-Sindku qed tonqos ukoll milli tiddefendi lin-nisa u tesprimi solidarjetà magħhom meta ma tridx tikkundanna dak li għamel il-Viċi Sindku b’mod kategoriku biex turi li każi bħal dawn ma għandhomx jirrepetu ruħhom, la fost il-komunità Mqabbija u lanqas fuq skala nazzjonali.

Dan kollu juri li s-Sindku għandha jdejha marbutin u ma tistax tikkundanna lill-Viċi Sindku. Juri wkoll li s-Sindku m’għandhiex il-kapaċità ewlenija li tieħu d-deċiżjonijiet u tibża’ mill-Viċi Sindku, inkella ma tridx tidher kerha miegħu u mal-Partit Laburista.

Fuq kollox il-fatt li s-Sindku qed tirrifjuta li tieħu azzjoni kontra l-Viċi Sindku jqajjem dubji dwar kemm tista’ tieħu l-aħjar deċiżjonijiet favur il-vulnerabbli u dawk li batew jew għadhom qed ibatu minn xi forma ta’ vjolenza domestika.

Għal darba oħra, sostnew il-kelliema, il-Partit Nazzjonalista jrid jibgħat il-messaġġ fost in-nisa u fost dawk kollha li għaddejjin minn kull forma ta’ vjolenza li se jibqa’ fuq quddiem biex jiddefendi u joħloq ambjent xieraq fejn dawk vulnerabbli isibu l-wens fil-politika tiegħu – politika li mhux tiddefendi lil min ikun arroganti u jibqa’ passiv sakemm tintesa l-istorja, imma politika li min jiżbalja għandu jerfa’ r-responsabbiltà u jirriżenja, biex jagħti l-eżempju bil-fatti u mhux jinħeba wara apoloġija finta.