Sport Waterpolo

It-tfajliet Maltin jirritornaw jirbħu b’wirja konvinċenti kontra r-Rumeni

Ritratt ta' Abby Bonello
Ritratt ta' Abby Bonello

L-għada tat-telfa kontra l-Ġermanja bl-iskor ta’ 16-10, illum fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq, it-tim nazzjonali tan-nisa tal-waterpolo ta’ taħt it-18-il sena kien imissu jilgħab f’partita ta’ klassifikazzjoni bejn it-13 u s-16-il post tal-Kampjonati Ewropej ta’ din il-kategorija.

L-avversarji tal-Maltin kienu r-Rumanija u t-tfajliet Maltin rebħu 12-9. L-ewwel sessjoni kienet iddominata minn Malta li ntemmet 3-1, b’żewġ gowls minn Chloe Amato u Kaylen Cutajar.

Il-Maltin żammew il-kontroll fit-tieni sessjoni, b’Malta tirbaħ it-taqsima 3-2, b’żewġ gowls minn Ella Miceli u Elise Amato.  L-avversarji Rumeni wetqu reazzjoni fit-tielet sessjoni, 4–3 bil-gowls għal Malta kienu skorjati tnejn minn Eyla Schembri u Kaylen Cutajar.

Ir-raba’ u l-aħħar sessjoni kienet fuq l-istess andament ta’ kif żvolġiet il-partita, bit-tim Malti jikkontrolla l-avversarji b’serje ta’ gowls minn Nevise Agius, Chloe Amato u Kaylen Cutajar  li għalqu l-partita b’rebħa għat-tfajliet Maltin b’differenza ta’ tliet gowls għal skor finali ta’ Malta 12 Rumanija 9.