“Iż-żgħażagħ għandhom ħafna x’joffru lis-soċjetà, u s-sessjoni parlamentari tal-Ħamis kienet xiehda ċara ta’ dan”
Hekk stqarr l-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia meta saret il-plenarja annwali tal-Parlament taż-Żgħażagħ; seduta li matula iż-żgħażagħ tkellemu dwar l-attiviżmu, b’mod speċjali b’parteċipatzzjoni taż-żgħażagħ fl-istituzzjonijiet politiċi.
Anġlu Farrugia qal li fi spirtu ta’ djalogu dejjem irridu naslu għal ftehim minkejja l-opinjonijiet differenti li jista’ jkun hemm, u għalhekk l-importanza tal-attiviżmu politiku. B’mod speċjali l-parteċipazzjoni żgħażugħa sabiex l-aspirazzjonijiet tagħhom jkunu jistgħu jiġu attwati.
Aktar tard, fl-gheluq ta’ din is-seduta d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Bernice Bonello enfasizzat li ż-żgħażagħ mhumiex biss il-futur tal-pajjiż iżda wkoll il-preżent. Bernice Bonello tkellmet fuq il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-istituzzjonijiet politiċi; tema li ħafna drabi tiġi trattata biss fil-kuntest tal-elezzjonijiet. Iżda fil-verità tmur ferm lil hinn minn hekk.
U spjegat li dan jirreferi għall-involviment attiv taż-żgħażagħ fil-politika, fil-leġiżlazzjoni u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajjithom ta’ kuljum.
Dan filwaqt li saħqet li ż-żgħażagħ għandhom ikomplu jsemmgħu leħinhom f’affarijiet kurrenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna.
Minn naħa tiegħu d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Justin Schembri tkellem dwar l-importanza li t-teknoloġija tkun mogħtija aktar importanza fl-iskejjel, u fis-sistema edukattiva. Imma dan jista’ jsir biss jekk is-sistema edukattiva tkun aktar adattabbli biex tilqa’ fiha ċerti bidliet importanti.
Dan filwaqt li rrikonoxxa li ż-żgħażagħ Maltin jagħmlu użu spiss mill-AI u għodda simili skont statistika Ewropea, u stqarr kemm huwa importanti li ż-żgħażagħ ikunu mogħtija aktar opportunitajiet biex ikunu kreattivi.
Dan l-avveniment jiġi organizzat kull sena fejn iż-żgħażagħ li jipparteċipaw jiddiskutu temi varji; uħud minnhom temi jaħarqu – sessjoni Parlamentari li tkun organizzata mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ
//= $special ?>