Lokali

“Jason jitkellem hekk għax sensittiv” – Robert Abela

Jason Micallef huwa bniedem sensittiv – għalhekk jitkellem kif jitkellem.

Dan huwa dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela wara li l-uffiċjal tal-Partit Laburista, li jmexxi l-managment tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali ħareġ fuq il-midja soċjali jattakka lill-Gvern beżżiegħ u lill-preżentatriċi Trudy Kerr bħala bully – b’Micallef jisħaq li se jressaqha l-Qorti.

Dan wara li xandret filmat fuq Facebook fejn uriet il-Park ta’ Ta’ Qali – fiz-zona tal-Picnic Area – miksija kollha terrapien.

L-għada, id-domandi tal-ġurnalisti s’intendi kienu ffukati fuq dan id-diskors. B’Abela ma jikkundannax l-attakk ta’ Jason Micallef fuq Trudy Kerr. U minflok saħaq li Micallef jirreaġixxi hekk għax sensittiv.

Bosta kienu dawk li kritikaw l-atteġġjament ta’ Jason Micallef u spjegaw li dak li qed jgħajjar in-nies bullies, qed jitħalla jagħmilha ta’ bully mill-Prim Ministru nnifsu – għaliex m’għandux setgħa li jwaqfu.

U filwaqt li l-Prim Ministru tkellem daqslikieku l-Labour fetaħ il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali hu fl-aħħar 5 snin, daqslikieku jrid ibiddel l-istorja – issa qed jiddeskrivi z-zona tal-kunċerti f’Ta’ Qali bħala l-akbar investiment ambjentali.

Dan meta sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li l-palk ta’ din iz-zona tal-kunċerti qed issofri minn problemi strutturali kbar – bil-Prim Ministru ma jiċħadx li  jeżistu dawn il-problemi.