Lokali Qorti

Jingħata l-pleġġ il-katekist mixli li uża profili foloz fuq Facebook biex jikkorrompi subien taħt l-età

Il-katekist William Mark Camilleri, li qed jiffaċċa akkużi gravi – li jinkludu atti illeċti ta’ minorenni fosthom pussess ta’ materjal pornografiku ta’ tfal, fastidju u proposti ta’ laqgħat għall-iskop ta’ reat, ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Huwa qed jiġi mixli li uża profili foloz fuq Facebook sabiex iħajjar subien jibagħtulu ritratti tagħhom għarwiena. Allegatament, William Mark Camilleri, katekist u jaħdem bħala tekniku fl-laboratorju, ikkuntattja 80 tifel billi għamel użu ta’ profili foloz. Il-prosekuzzjoni qalet li huwa kkonvinċa tmienja minnhom biex jibagħtulu ritratti għarwenin.

Camilleri minn Ħal Tarxien jinsab mixli li abbuża minn tifel ta’ 13-il sena meta talbu favuri sesswali, u ssottomettieh għal atti sesswali. Ma’ dan jinsab akkużat li kien fil-pussess ta’ pornografija tat-tfal. Għal dawn l-akkużi huwa qed iwieġeb mhux ħati.

Diġà ħareġ li l-akkużat kien jinħeba wara l-ismijiet “Tanya Borg” u “Kevin Kevinu”. Il-Pulizija bdiet tinvestiga wara li ġenituri ta’ tifel ta’ 13-il sena rrapportaw li binhom qed jiċċettja ma’ xi ħadd bl-isem “Tanya Borg”.

Il-pleġġ sar taħt kundizzjonijiet stretti ħafna: li jħallas depożitu ta’ €10,000, jagħti garanzija personali ta’ €20,000, josserva curfew, u jiffirma kuljum fl-Għassa tal-Pulizija. Il-Qorti, f’każijiet bħal dawn, tikkunsidra mhux biss il-gravità tal-akkuża imma wkoll jekk hemmx riskju ta’ ħarba, ta’ reċidiva jew ta’ tfixkil tal-provi.

Il-prosekuzzjoni diġà spjegat kif il-każ beda wara rapport tal-ġenituri tal-vittma li sabu lil binhom iċempel ma’ profil ta’ Facebook bl-isem fittizju ta’ “Tanya Borg”. Permezz ta’ dan il-profil, il-minuri allegatament ġie mqarraq sabiex jibgħat ritratti espliciti u ngħata mistoqsijiet dwar id-dar u l-iskola tiegħu.

L-investigazzjonijiet tal-pulizija kkonfermaw li l-indirizz IP li kien qed jintuża għal dan il-profil kien imqabbad ma’ residenza f’Ħal Tarxien, fejn aktar tard arrestaw lill-imputat. Barra minn hekk, ġie allegat li kien qed jintuża profil ieħor, bl-isem ta’ “Kevin Kevinu”, għall-istess skopijiet.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Cynthia Tomasuolo u Kristina Bartolo, assistiti mill-Ispetturi Marshall Mallia u Wayne Buhagiar. L-imputat qed jiġi difiż mill-avukat Nicholas Mifsud, filwaqt li l-avukati Herman Mula u Michele Cardinali qed jidhru parte civile għall-familja tal-vittma.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qed tisma’ l-każ.