Sport

Jitwaqqaf il-11 stadju tat-Tour ta’ Spanja

Il-11 il-prova tat-80 edizzjoni tat-Tour ta’ Spanja – La Vuelta kienet fiċ-ċirkwit ta’ Bilbao fuq distanza ta’ 157.4 kilometri. It-tmiem tal-istadju 11 tal-Vuelta twaqqaf mingħajr ma kien dikjarat l-ebda rebbieħ fi tmiem l-istadju u l-ħinijiet tal-klassifika ġenerali mistennija jittieħdu 3km mil-linja tal-wasla f’Bilbao.

Tom Pidcock għal Q36.5 Pro Cycling  għamel attakk qawwi fl-aħħar telgħa, Alto de Pike, meta kien fadal  8.5km, u ħa s-sekondi bonus offruti u l-punti fil-muntanji, iżda malajr ingħaqad miegħu l-leader tal-klassifika ġenerali Jonas Vingegaard għal Team Visma-Lease a Bike hekk kif it-tnejn ippruvaw jiksbu kemm jista’ jkun ħin qabel ġew imwaqqfa.

It-tnejn eventwalment waqfu bil-mod hekk kif resqu lejn l-uffiċjali tat-tellieqa, li kienu lesti li jwaqqfu l-bqija tal-grupp.

L-organizzaturi ta’ La Vuelta ħabbru l-miżuri hekk kif iċ-ċiklisti ġrew lejn it-tmiem tal-istadju muntanjuż ta’ 157.4km. Id-deċiżjoni ttieħdet minħabba tfixkil ikkawżat minn dimostranti favur il-Palestina fit-tmiem tal-11 il-prova.

It-12 il-prova ta’ La Vuelta hija fuq medda ta’ 144.9 kilometri minn Laredo sa Los Corrales de Buelna.