Lokali

L-MDA tiftaħ protest ġudizzjarju kontra l-iskema tal-akkomodazzjoni affordabbli tal-Gvern

L-Assoċjazzjoni tal-Iżvilupp f’pajjiżna issoktat b’azzjoni legali sabiex il-Gvern jirtira, dik li qed isejjaħ skema għall-proġetti ta’ akkomodazzjoni affordabbli.

L-assoċjazzjoni iddikjarat illi l-iskema hi anti-soċjali, mhux trasparenti u tinvolvi wkoll għajnuna tal-istat illegali. Hija ddikjarat ukoll li l-iskema tmewwet il-kompetizzjoni u li kien hemm arranġamenti ma’ numru ta’ kuntratturi qabel biss saret l-iskema.

Fil-protest ġudizzjarju, l-assoċjazzjoni ikkritikat ukoll lill-Ministru responsabbli, Roderick Galdes u lill-Fondazzjoni tal-Akkomodazzjoni Affordabbli u anke lill-Knisja. Huma argumentaw illi din l-iskema tista’ tikkaġuna diskriminazzjoni kontra dawk li ġenwinament għandhom bżonn l-għajnuna sabiex ikollhom saqaf fuq rashom, għall-benefiċċju ta’ grupp żgħir magħżul ta’ kuntratturi.

L-MDA spjegat li din l-iskema jista’ jkun tiddikjara l-għajnuna tal-istat illegali. Huma qalu wkoll li kienet tagħmel aktar sens li kieku l-Gvern jew il-fondazzjoni ippubblikat tender sabiex jinbnew appartamenti mbagħad jiġu mibjugħa lil dawk li l-aktar għandhom bżonn bi prezz affordabbli.