Lokali

L-MEIA bi proposti għall-Budget 2026: Appell favur investiment fis-settur tal-Arti

L-Assoċjazzjoni tal-Industrija tad-Divertiment u l-Arti ħarġet ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għall-Baġit ta’ din is-sena – b’enfasi kbira fuq l-istabbiltà, ir-riforma u l-investiment. Il-proposti huma komposti minn 33 rakkomandazzjoni ibbażati fuq tmien pilastri – b’xejra ambizzjuża sabiex tiżdied il-professjonalità fis-settur tal-arti filwaqt li jkun hemm sorveljanza kontinwa tas-setturi kreattivi u kulturali f’Malta.

Fost dawn it-tmien piilastri ewlenin insibu fost l-oħrajn; Fond Nazzjonali għal avvenimenti Kulturali – bi ftehim li jkunu għal perjodu ta’ bejn 3 u 5 snin għall-organizzazzjonijiet indipendenti, bil-flus li jingħataw skont l-iskala tad-daqs tal-avvenimenti u l-organizzazzjonijiet. Dan dejjem b’paga ġusta.

Protezzjoni adegwata għall-Ħaddiema, li tinkludi fiha d-dritt ta’ paga ġusta, skema ta’ assigurazzjoni tal-freelancers, u Fond ta’ għajnuna legali, b’mod speċjali għal assistenza kuntrattwali u ħarsien tal-istess drittijiet.

Inċentivi Finanzjarji u rebates ġusti – rebate ta’ flus appoġġjat minn fondi għal Kultura. Dan anke sabiex jingħata ferm aktar appoġġ għall-films Maltin li jkunu qed jikkompetu ma’ oħrajn mhux lokali fil-box-office.

Riforma fl-iffinanzjar tal-Kunsill tal-Arti, fost tibdil tal-iskema ta’ appoġġ u żieda fl-istess fond.

Infrastruttura kreattiva u spazji adegwati – pjan nazzjonali ta’ infrastruttura kreattiva għal għaxar snin li jindirizza postijiet ewlenin, studios affordabbli, spazji ta’ prattika, u hubs varji.

Riċerka u Għarfien – L-MEIA titfa’ dawl fuq studju nazzjonali u riċerka flimkien mal-NSO – stħarriġ ta’ udjenza differenti kull sentejn, u rapport annwali dwar l-ekonomija sabiex tkun tista’ tipprovdi data affidabbli u numri korretti

Għarfien u investiment fl-edukazzjoni – rikonoxximent tal-arti bħala suġġett ewlieni fl-iskola, appoġġ għal taħriġ tal-għalliema u studenti, filwaqt li jiġi mniedi programm nazzjonali għall-AI u l-Innovazzjoni Diġitali.

Finanzi, Taxxi u Riforma fil-Governanza – emenda fir-rati tat-taxxa, riforma tal-VAT fuq l-arti u ċ-ċinema, espansjoni tar-rata tat-taxxa fuq donazzjonijiet.

Intant l-MEIA għalqet billi saħqet li dawn ir-rebates u nfiq min naħa tal-Gvern m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala infiq iżda bħala investiment – investiment kemm fil-kultura u fl-artisti Maltin, imma anke investiment fl-ekonomija tal-pajjiż.