Lokali

Mewġa kbira ta’ solidarjetà mal-familja ta’ Leli l-Puzzu u martu

Il-media Taljan għadha qed tirrapporta bi prominenza t-traġedja li seħħet fi Sqallija, fejn mietu żewġ Maltin fi triq ewlenija li minn Katanja twassal lejn Ragusa – triq li tintuża frekwentament mill-Maltin li jaqsmu lejn Sqallija bil-Katamaran.

Manuel u Doris Buhagiar huma ż-żewġ anzjani li mietu f’dan l-inċident tat-traffiku li seħħ l-Erbgħa. Huma kienu ġenituri kif ukoll nanniet.

Manuel Buhagiar, li kellu 73 sena, kien eks Pulizija – magħruf fost sħabu bħala Leli l-Puzzu. Martu Doris kellha 69 sena, u t-tnejn kienu minn Ħaż-Żebbuġ.

L-inċident seħħ għall-ħabta tat-3 ta’ waranofsinhar, meta għal xi raġuni l-karozza li kienet fiha l-koppja ħabtet ma’ trakk li jġorr l-iskart fuq il-karreġġjata opposta.

Il-koppja kienet qed issuq vettura tal-għamla Toyota Ractis.

Intant, mijiet kienu dawk li kitbu fuq il-media soċjali jesprimu s-solidarjetà tagħhom mal-familja Buhagiar.