Lokali Qorti

Miċħuda talba biex tiġi sospiża d-deportazzjoni ta’ tliet Etjopjani

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha u preseduta mill-Imħallef Henri Mizzi, ċaħdet it-talba ta’ tliet ċittadini Etjopjani – Abdi Sufian Mahmud, Kendieneg Mehretie Mersie u Yosuf Ahmed Adam – biex tiġi sospiża d-deportazzjoni tagħhom u biex jinħelsu mill-arrest sakemm tinqata’ kawża kostituzzjonali li fetħu kontra d-deċiżjonijiet tal-Immigrazzjoni.

Fil-bidu kien hemm ħames rikorrenti, iżda tnejn minnhom, Efrem Salamon Gize u Musbah Nasir Aliye, kienu talbu li jerġgħu lura f’pajjiżhom u telqu xhur ilu. Il-kawża oriġinali tressqet f’Awwissu tas-sena l-oħra u fiha r-rikorrenti jiddikjaraw li d-deċiżjonijiet ta’ ritorn, tneħħija u projbizzjoni ta’ dħul maħruġa mill-Uffiċjali tal-Immigrazzjoni jiksru d-drittijiet fundamentali tagħhom skont l-Artikoli 3, 5 u 8 tal-Konvenzjoni Ewropea u l-Artikoli 32(ċ), 34 u 36 tal-Kostituzzjoni.

Din il-kawża tinsab differita għas-sentenza għall-14 ta’ Novembru 2025. Permezz tar-rikors għall-miżura interim, ir-rikorrenti sostnew li jekk jiġu deportati lejn l-Etjopja qabel tingħata s-sentenza, tkun issir ħsara irriversibbli, u l-proċeduri jsiru bla sustanza.

Huma argumentaw li r-ritorn lejn pajjiżhom ipoġġihom f’riskju serju ta’ trattament degradanti u inuman, kif ukoll periklu għall-ħajja u l-libertà tagħhom, fid-dawl tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fl-Etjopja. L-Avukat tal-Istat u l-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni opponew it-talba u sostnew li kienet ripetizzjoni ta’ talba preċedenti li diġà kienet miċħuda.

Huma fakkru wkoll li fit-28 ta’ Lulju 2025, it-Tribunal tal-Appelli dwar il-Protezzjoni Internazzjonali kien ċaħad l-appelli tar-rikorrenti kontra d-deċiżjonijiet tal-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali. Il-Qorti osservat li biex tingħata miżura interim bħal din, l-applikanti jridu juru, sal-grad prima facie, li hemm ksur jew potenzjal ta’ ksur ta’ dritt fundamentali protett mill-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni.

L-Imħallef innnota li l-każ tagħhom ġie eżaminat darbtejn mill-Aġenzija u mit-Tribunal, li kienu taw ukoll opportunità għal provi u sottomissjonijiet ġodda. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti qieset li ma jistax jingħad li jidher ksur prima facie ta’ dan id-dritt.

Fir-rigward tal-ilment dwar l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni, il-Qorti qalet li ma ġew ippreżentati l-ebda elementi ġodda minn meta kienet diġà ċaħdet talba simili f’Diċembru 2024. Lanqas dwar il-ħelsien mill-arrest ma ġew ippreżentati provi jew argumenti ġodda. B’hekk, permezz ta’ digriet mogħti, il-Qorti ċaħdet it-talbiet tar-rikorrenti.