Raġel ta’ 38 sena minn Marsaskala wieġeb mhux ħati fil-Qorti wara li kien akkużat li weġġa’ gravi lir-raġel ta’ oħtu waqt argument meta allegatament tah daqqa f’wiċċu b’virga tal-ħadid. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech il-Ħamis waranofsinhar, fejn l-imputat tressaq ukoll talli kkawża biża’ ta’ vjolenza, kif ukoll talli hedded u offenda lill-istess vittma. Huwa wieġeb mhux ħati.
Il-vittma qal fil-Qorti li kienet l-intenzjoni tiegħu li jaħfer lill-akkużat, u meta mistoqsi mill-Maġistrat jekk jibżax minnu, wieġeb fin-negattiv u anzi qal li jaqbel li jingħata l-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €200 u garanzija personali ta’ €5,000, flimkien ma’ diversi kundizzjonijiet oħra. Ġie ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat tal-Avukat Ġenerali Martina Muscat bl-assistenza tal-Ispettur Colin Sheldon. L-avukat Edward Gatt deher għall-akkużat, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Matthew Xuereb dehru għall-vittma.
//= $special ?>