Andrè Muscat
Il-President
Tim Sport PN
L-isport, spiss meqjus bħala passatemp, taħt il-ħarsien ta’ Bernard Grech ingħata vuċi u attenzjoni bħala għodda ta’ tkabbir personali, bini ta’ komunità u saħħa nazzjonali.
Tul dawn il-ħames snin, Bernard Grech dejjem wera viżjoni soda u konkreta fejn l-isport ma kienx biss xi ħaġa addizjonali fil-politika, iżda pilastru essenzjali ta’ soċjetà b’saħħitha.
Kienet taħt it-tmexxija tiegħu li l-Partit Nazzjonalista ħabbar wieħed mill-proposti l-aktar innovattivi u b’saħħithom fil-qasam sportiv: il-ħatra ta’ Ministru ddedikat esklussivament għall-Isport, jekk il-Partit ikun elett fil-Gvern.
Dan il-pass mhux biss kien simboliku, iżda juri kemm hemm rieda politika vera biex isir investiment strateġiku fl-isport, kemm fil-livell professjonali kif ukoll fil-bażi komunitarja u edukattiva.
F’din il-viżjoni, is-saħħa u l-benessri tal-poplu kienu ċ-ċentru. Proposta oħra b’saħħitha kienet l-introduzzjoni ta’ għoxrin minuta ta’ attività fiżika kuljum fl-iskejjel – miżura li, jekk tiġi implimentata, tista’ twassal għal bidla pożittiva fil-mod kif it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jħarsu lejn il-moviment, id-dixxiplina u l-ħajja b’saħħitha. Din mhux biss tgħin fl-iżvilupp fiżiku, iżda wkoll fl-iżvilupp mentali u emozzjonali.
Erba’ zoni sportivi
Apparti l-politika edukattiva, il-Partit taħt Bernard Grech ippropona wkoll l-iżvilupp ta’ erba’ villaġġi sportivi fiz-zoni ta’ Ta’ Qali, il-Marsa, Tal-Qroqq u Għawdex. Dawn il-proġetti juru impenn ċar biex jinħolqu spazji miftuħa u mgħammra tajjeb fejn il-familji, iż-żgħażagħ u l-atleti jistgħu jipprattikaw l-isport f’ambjent modern u aċċessibbli.
Importanti wkoll li nsemmu kif Bernard Grech ma kienx wieħed li jara l-isport mill-bogħod, dan urieh meta riċentament attenda u ħa sehem personalment f’laqgħat mal-komunitajiet sportivi, f’Birkirkara, laqgħa organizzata minn Tim Sport Partit Nazzjonalista flimkien mal-Kelliem għall-Oppożizzjoni fl-Isport, David Agius.
Din kienet opportunità fejn l-atleti, il-kowċis l-amministraturi u l-voluntiera setgħu jiddiskutu u jesprimu direttament l-isfidi tagħhom fejn wara li sema l-ħsibijiet ta’ dawk kollha preżenti Bernard Grech stqar li Partit Nazzjonalista fil-Gvern se jaħdem biex l-Isport jieħu l-prijorità mistħoqqa.
Il-ħidma ta’ Bernard Grech fil-qasam sportiv kienet xhieda ta’ tmexxija b’passjoni, umiltà u viżjoni. Il-kontribut tiegħu ħalla impatt pożittiv li se jibqa’ jinħass. B’dan ir-ringrazzjament, mhux biss nirrikonoxxu l-ħidma tiegħu, iżda nittamaw li l-impenn għall-isport jibqa’ dejjem prijorità fil-politika Maltija.
Grazzi Bernard Grech għall-ħames snin ta’ servizz u tmexxija li wrejt kemm l-isport għandu potenzjal li jsawwar futur aħjar għal kulħadd.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>