Opinjoni

OPINJONI: Il-kapitlu li jmiss

Nhar is-Sibt li ġej, flimkien bħala familja waħda Nazzjonalista se nkunu qed niktbu paġna oħra fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista. (Ritratt: atriel Farrugia u Martin Agius)
Huwa għalhekk mument mill-aktar importanti meta bħala tesserati tal-Partit Nazzjonalista niġu msejħa biex nagħmlu l-għażla ta’ min għandu jmexxi lil dan il-partit

Angelo Micallef

L-istorja tal-Partit Nazzjonalista hija mixja mal-istorja moderna ta’ pajjiżna. Partit li kellu rwol mill-aktar importanti fil-formazzjoni ta’ pajjiżna fix-xejra odjerna tiegħu. Il-partit li ssielet biex l-identità Maltija tagħna tibqa’ dejjem ħajja u rispettata anki meta pajjiżna kien kolonja tal-akbar imperu li qatt rat id-dinja. Partit li emmen li kellna l-abbiltà li nkunu stat sovran u indipendenti. Partit li emmen li postna kien fil-qalba tal-politika Ewropea fuq l-istess mejda tad-deċiżjonijiet ma’ pajjiżi ferm akbar minn tagħna.

Dan huwa partit li ra fi ħdanu politiċi ta’ statura ġganteska; nies bħal Nerik Mizzi, Sir Ugo Mifsud, Ġorġ Borg Olivier, Guido de Marco, Carmelo Mifsud Bonnici (Il-Gross), Ugo Mifsud Bonnici, Eddie Fenech Adami, Louis Galea, Lawrence Gonzi u tant u tant oħrajn li servew fi ħdan Gvernijiet Nazzjonalisti differenti li għamlu differenza kbira għal pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista kellu numru ta’ kapijiet matul is-snin; uħud semmejthom diġà oħrajn fi żminijiet aktar riċenti bħal Simon Busuttil, Adrian Delia u Bernard Grech. Dak li jgħaqqad kull kap tal-Partit Nazzjonalista huwa ħidma b’determinazzjoni f’ġieh il-ġid nazzjonali u fl-aħjar interess tal-pajjiż u tal-partit.

Huwa għalhekk mument mill-aktar importanti meta bħala tesserati tal-Partit Nazzjonalista niġu msejħa biex nagħmlu l-għażla ta’ min għandu jmexxi lil dan il-partit. Irridu niftakru li l-għażla tagħna hija għażla li timpatta mhux biss l-andament politiku tal-Partit Nazzjonalista imma l-andament politiku tal-pajjiż. Irridu niftakru li jekk naħdmu b’għaqal u flimkien kapaċi realistikament qegħdin nagħżlu l-Prim Ministru li jmiss ta’ pajjiżna.

Erbgħin fil-mija tat-tesserati diġà għamlu l-għażla tagħhom bejn Alex Borg u Adrian Delia. Is-sittin fil-mija l-oħra huma msejħa biex jagħmlu l-għażla tagħhom nhar is-Sibt li ġej.

Ma għandi l-ebda dubju li dawk kollha li ressqu għal vot għamlu dan bl-akbar serjetà u wara proċess ta’ dixxerniment. U tassew irid ikun hemm dixxerniment, għaliex hawn m’aħniex qed nagħżlu bejn għażla tajba u għażla ħażina imma bejn żewġ għażliet mill-aqwa; kull waħda bil-merti tagħha u li t-tnejn li huma joffru prospetti mill-isbaħ lill-Partit Nazzjonalista.

Huwa ċar li hemm entużjażmu kbir għall-futur tal-Partit Nazzjonalista. L-attivitajiet tal-kampanji rispettivi ta’ Alex Borg u Adrian Delia, it-tnejn dejjem kellhom enerġija enormi ta’ entużjażmu. Dan jitfa’ piż akbar fuqna lkoll li naraw li nżommu ħaj dan l-entużjażmu u li nkattruh f’ħidma b’risq l-elezzjoni ġenerali li jmiss, li jaf hija aktar viċin milli ħafna forsi qegħdin jaħsbu.

Huwa ċar ukoll li filwaqt li kulħadd jeħtieġ li jagħmel l-għażla tiegħu bejn iż-żewġ kandidati din mhix xi tellieqa fejn tagħżel kandidat li jogħġbok u tarmi fil-ġenb il-kandidat l-ieħor. Bħal kull persuna oħra għandi preferenza personali; imma hija każ ta’ preferenza bejn żewġ għażliet tajba fejn għalhekk nemmen bis-sħiħ li anki l-kandidat li mhuwiex l-għażla tiegħi jeħtieġ li jinżamm fi rwol ċentrali u importanti. Irridu naraw li sa mill-ewwel minuti tal-Kap il-ġdid ningħaqdu bħala partit wieħed, b’vuċi waħda u b’ħidma flimkien.

Għeluq tal-kapitlu ta’ Bernard Grech bħala Kap tal-PN

Naturalment dan il-kapitlu ġdid ifisser ukoll l-għeluq tal-kapitlu ta’ Bernard Grech bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Ikun żball ikrah jekk ma nurux grattitudni għal ħames snin ta’ ħidma li wettaq Bernard Grech.

Ħames snin li fihom ta l-enerġija kollha tiegħu u wassal biex il-Partit Nazzjonalista kiseb l-ewwel riżultat pożittiv fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali wara tant snin ta’ diżappunti elettorali. Grazzi kemm lil Bernard Grech kif ukoll lil familja Grech għax l-irwol ta’ Kap tal-PN jitlob sagrifiċċji mill-familja kollha.

Nhar is-Sibt li ġej, flimkien bħala familja waħda Nazzjonalista se nkunu qed niktbu paġna oħra fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista. Nhar is-Sibt li ġej huwa jum storiku u ta’ responsabbiltà. Responsabbiltà lejn l-istorja ta’ dan il-partit imma fuq kollox responsabbiltà lejn il-futur ta’ dan il-partit u l-futur ta’ din l-art ħelwa, l-omm li tatna isimha.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 4 ta’ Settrmbru, 2025.