Joe M. Zahra
Il-President Assoċjazzjoni Pensjonanti
Anzjani Nazzjonalisti (APAN)
F’Ġunju tas-sena l-oħra l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ta tama ġdida lill-poplu Malti kollu meta kiseb riżultat mill-aktar pożittiv għall-Partit tagħna u hekk kisser darba għal dejjem l-awra li kien ħoloq madwaru l-Partit Laburista li hu invinċibbli.
Bernard Grech, wara ħames snin ta’ ħidma, għaqqad lill-Partit Nazzjonalista u kiseb riżultati li konna ilna snin twal ma naraw bħalhom.
Fit-8 ta’ Ġunju l-Partit Nazzjonalista taħt Bernard Grech mhux biss laħaq il-miri li kien poġġa quddiemu għal dawk l-elezzjonijiet, jiġifieri li jniżżel id-distakk bejn iż-żewġ partiti bin-nofs għal 20,000 u li jikseb lura ħames kunsilli lokali iżda ssuperahom.
Il-distakk bejn iż-żewġ partiti niżel għal 8,000 vot. Żidna deputat parlamentari Ewropej minn tnejn għal tlieta u kollha telgħu bil-kwota.
Flok ħames lokalitajiet il-PN rebaħ lura sitta. Kollha lokalitajiet kbar: Birkirkara, il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, is-Siġġiewi, l-Imsida, San Ġwann u ż-Żebbuġ f’Għawdex. Fid-distretti l-oħrajn il-Partit Nazzjonalista żied il-voti u żied il-kunsilliera.
Mhux riżultat faċli meta ridna niġġieldu partit li kellu warajh magna ta’ propaganda fejn il-mezzi tal-gvern u dawk tal-Partit Laburista jitħalltu u jsiru ħaġa waħda.
Dawn huma riżultati pożittivi li m’għandniex ninsewhom, l-iktar fi żmien meta Robert Abela jinsab f’fernesija biex jaqdi lil kulħadd basta jakkwista l-voti.
Dak li wettaq Bernard Grech seta’ jagħmlu għaliex matul il-ħames snin fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista rrnexielu jgħaqqad il-fazzjonijiet kollha fi ħdan l-istess partit.
Ġabu dahru mal-ħajt
Tul it-tmexxija tiegħu Bernard Grech mhux l-ewwel darba li ġab lil Robert Abela dahru mal-ħajt u wasslu biex jagħmel u-turns waħda wara l-oħra.
Bħalissa jiġu quddiem għajnejja tlieta: il-u-turn li Robert Abela kellu jwettaq biex jagħmel inkjesta pubblika b’rabta ml-mewt ta’ Jean Paul Sofia; il-u-turn ta’ Robert Abela dwar l-introduzzjoni tal-abort f’pajjiżna u l-u-turn ta’ Robert Abela dwar ir-riżenja tal-Ministru Clayton Bartolo li impjega lil martu bħala konsulent meta ma kellhiex il-kwalifiki għal din il-ħatra.
Fil-konfront tagħna l-anzjani u l-pensjonanti, Bernard Grech dejjem kien skjett fl-appoġġ tiegħu lejna. Dejjem sibnieh ta’ spalla. Dejjem semagħna u kulmeta tlabna l-preżenza tiegħu dejjem kien hemm fostna. Niftaħar, ir-rally li nagħmlu ta’ kull sena f’Jum l-Anzjani fl-1 ta’ Ottubru. Dik kienet okkażjoni li Bernard Grech kien ikun qed jistenna biex jiltaqa’ ma’ tant anzjani u jindirizzahom dwar il-problemi tagħhom u x’qed jipproponi li jsir biex dawn il-problemi jittaffu.
Ta’ veru Nazzjonalist anke fir-riżenja tiegħu Bernard Grech wera l-lealtà assoluta tiegħu lejn il-Partit Nazzjonalista. F’kull okkażjoni li kellu sew fl-organi tal-partit kif ukoll barra, għamilha ċara li ser ikun hemm biex jappoġġja lil min it-tesserati jagħżlu biex imexxi dan il-Partit glorjuż tagħna.
Ir-riżenja ta’ Bernard Grech ħasditni. Kif ħasdet tant persuni oħra midħla tal-Partit. Iżda fir-riżenja tiegħu Bernard Grech wera li ma riedx li t-tama li nibtet fost il-partitarji Nazzjonalisti u fost il-poplu Malti kollu wara r-riżultat memorabbli tat-8 ta’ Ġunju 2024 tisfuma fix-xejn.
Għalhekk b’sens kbir ta’ rġulija għamel pass lura. Għażel li jitlaq it-tmun tal-Partit Nazzjonalista f’idejn ħaddieħor. Għażel li jkun min ikun is-suċċessur tiegħu jagħtih l-appoġġ.
Għażel li jissagrifika lilu nnifsu għall-ġid tal-Partit u ta’ pajjiżna. Hekk ikunu l-irġiel. Hekk isem Bernard Grech għad jikteb fl-istorja tal-glorjuż Partit Nazzjonalista b’ittri tad-deheb.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>