Jean Paul Barbara
Viċi President
Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN)
Sirt naf lil Bernard Grech mill-2018, meta għall-ewwel darba indirizza l-Kunsill Ġenerali tal-PN bit-tema ‘Infasslu Futur Flimkien’.
Wara s-sessjoni tal-Kunsill Ġenerali tkellimna fuq diversi temi li qed jolqtu l-poplu Malti u Għawdxi.
Aktar tard dik is-sena ħadna sehem fl-istess programm fuq Net FM ‘Ngħiduha Kif Inhi’ ma’ Indri Attard u minkejja li kellna rokna differenti konna niltaqgħu ta’ spiss u naqsmu ħafna ħsibijiet.
F’Bernard Grech rajt kwalitajiet eċċellenti, speċjalment meta kien jipparteċipa fuq ‘Xarabank’ flimkien ma’ Joe Giglio jiddibattu bħala opinjonisti.
Meta Bernard Grech ħa t-tmun tal-PN f’Ottubru tal-2020, sab Partit f’sitwazzjoni delikata ħafna hekk kif il-PN kien għaddej minn kunflitt intern u kien tilef ħafna elezzjonijiet b’marġini kbar.
It-tmexxija tiegħu x’aktarx se tkun imfakkra bħala kapitlu kruċjali fl-istorja moderna tal-Partit Nazzjonalista. Wara l-kunflitt intern u t-telfiet elettorali, Bernard Grech ġab miegħu ton ta’ determinazzjoni, għaqda u responsabbiltà pubblika. Dawn il-kwalitajiet kienu essenzjali biex il-PN jerġa’ jiġi ippożizzjonat bħala forza politika serja.
Matul dawn l-aħħar ħames snin ta’ tmexxija tiegħu, Bernard Grech irnexxielu jibni mill-ġdid lill-Partit Nazzjonalista, jerġa’ jikseb it-tielet siġġu tal-MEP għall-PN u jirbaħ tmien kunsilli lokali ġodda bħall-Mosta, San Pawl il-Baħar, San Ġwann, Msida, Siġġiewi, Birkirkara, Mellieħa u Żebbuġ (Għawdex).
Il-PN kiseb ukoll siġġijiet f’lokalitajiet magħrufa bħala tradizzjonalment Laburisti bħal Ħad-Dingli, Santa Luċija, il-Qrendi, iż-Żurrieq u x-Xewkija. Barra minn hekk, wara l-elezzjoni tas-sena l-oħra, il-PN għandu għoxrin kunsillier lokali iżjed eletti madwar Malta u Għawdex meta mqabbel mal-2019.
Taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech, il-PN irnexxielu jikseb 11,000 vot aktar fl-Elezzjoni tal-MEP meta mqabbel mal-2019, u naqqas il-vantaġġ tal-Labour minn 42,000 għal 8,454 voti biss.
Bidla sinifikanti
Id-distakk fil-voti bejn il-PN u l-PL fl-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali naqas minn 47,000 fl-2019 għal ftit aktar minn 20,000 fl-2024, rifless ta’ bidla sinifikanti fis-sentiment pubbliku.
L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali tas-sena l-oħra kienu punt ta’ bidla għall-PN, billi mmarka progress sinifikanti u indikazzjoni ta’ qawmien mill-ġdid wara ħdax-il sena fl-Oppożizzjoni.
Xi wħud jargumentaw li dawn ir-riżultati ġew minħabba li l-votanti tal-PL ma vvutawx bħala sinjal ta’ protesta kontra Robert Abela. Għalkemm din il-fehma fiha minnu, ma nistgħux inneħħu l-mertu li taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech, il-PN reġa’ kiseb it-tielet siġġu tal-MEP u kiseb l-aħjar riżultat f’għoxrin sena ta’ elezzjonijiet.
Bernard Grech irnexxielu jirriġenera l-PN fuq livell Parlamentari b’għoxrin Membru Parlamentari ġdid li huma jew żgħażagħ jew uċuħ ġodda. Fuq livell ta’ Kunsilli Lokali, hemm ħafna żgħażagħ ġodda li llum huma Sindki, Viċi Sindki, Kapijiet tal-Minoranza jew Kunsilliera.
Barra minn hekk, irnexxielu jinvolvi ħafna żgħażagħ u wċuħ friski fl-Istruttura Interna tal-PN u llum huma parti mill-Kunsill Amministrattiv tal-PN, il-Kumitat Eżekuttiv tal-PN, il-Fergħat u l-Kumitati Sezzjonali Lokali tal-PN.
Nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi lejn Bernard Grech talli involvieni fit-tim tiegħu minkejja li ma kontx parti mit-tim tal-kampanja tiegħu meta kien qed jikkontesta għall-Mexxej tal-PN fl-2020.
Huwa għex dak li kien jipprietka u wera li kull persuna ta’ rieda tajba hija milqugħa fil-Partit tagħna. Kien pjaċir u unur inservi taħt it-tmexxija tiegħu. Bernard Grech daħal fil-politika b’integrità, u qed iħalli l-kariga ta’ Kap tal-PN b’dik l-istess integrità intatta.
Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-mara tiegħu AnneMarie u lil uliedu Neil u Maria talli kienu miegħu f’kull mument f’dawn l-aħħar ħames snin. Il-familja tiegħu għenuh fil-kariga tiegħu billi dejjem kienu miegħu f’kull deċiżjoni li ħa.
Nixtieq nawgura minn qalbi lil Alex Borg u Adrian Delia, bħala l-kandidati fl-elezzjoni għall-kap il-ġdid tal-PN. Kif appoġġjajt lil Bernard Grech u lil Adrian Delia fil-passat, jien se nappoġġja bi sħiħ lill-Kap ikun min ikun. Nemmen li l-Partit Nazzjonalista huwa l-unika alternattiva għal dan il-Gvern Laburista korrott u rridu ningħaqdu taħt il-Kap il-ġdid tal-Partit u nimxu fid-direzzjoni tiegħu mill-mument li jiġi elett sal-elezzjoni ġenerali biex inkunu gvern alternattiv għal Malta u nneħħu lill-PL minn fuq, li falla b’mod miserabbli. In-nies iridu bidla u gvern alternattiv.
Ejja nġibu din il-bidla għal Malta
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>