Charles Bonello
Is-Segretarju Ġenerali
Partit Nazzjonalista
Lil Bernard Grech l-ewwel li sirt nafu kien fl-iskola meta bħala tfal konna ltqajna fil-Primarja. Konna fl-istess klassi tal-Iskola Primarja ta’ St Francis f’Bormla.
Minn hemm ’il quddiem il-kuntatt inqata’ kompletament għaliex it-tnejn li aħna qbadna t-triqat tagħna. Aktar lil hinn imbagħad beda jkolli kuntatt regolari mal-papa ta’ Bernard Grech minħabba raġunijiet ta’ xogħol. Eventwalment anki dak il-kuntatt kien inqata’.
Aktar ’il quddiem reġa’ sar kuntatt ġdid meta Bernard Grech – li kont insegwih anki minn fuq it-televiżjoni kien ħareġ għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Darba kien sar Kap tal-Partit Nazzjonalista mbagħad konna ltqajna u kien ikkonfermani wkoll fl-irwol li kelli bħala l-persuna li kont nikkoordina l-ħidma tal-Kunsilli Lokali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Minn hemm ’il quddiem din ir-relazzjoni kompliet miexja. Dejjem konna ċari ma’ xulxin u jien dejjem tkellimt fid-dawl ta’ x’kien l-aħjar li jsir għall-interessi veru tal-Partit Nazzjonalista u rrid ngħid li nemmen li Bernard Grech kien japprezza ħafna l-ħidma li kont inwettaq bl-aktar mod volontarju.
Konna niltaqgħu anki fl-Amministrattiv u hemm hekk kont nagħti l-kontribut tiegħi kif inħoss jien u Bernard Grech kien iħoss li l-kontribut tiegħi kien wieħed ġenwin u mingħajr ebda aġenda.
Imbagħad, b’sorpriża kbira għalija, fil-bidu ta’ din is-sena, kien bagħat għalija u offrieli nkun Segretarju Ġenerali tal-Partit. Ma nafx x’wassal għal din is-sejħa, iżda nemmen li kien impressjonat bir-rispett tan-nies li kien ra waqt il-funeral tal-papa tiegħi.
F’dawn ix-xhur kienet żviluppata relazzjoni eċċellenti. Ħdimna id f’id u bejnietna kienet żviluppata relazzjoni mill-aqwa. Dejjem tkellimna bl-aktar mod sinċier għaliex jien dejjem fhimt li Bernard Grech kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u allura d-direzzjoni tiegħu kellha tkun rispettata. Inkella flok partit ikollok partiti u l-affarijiet ma jimxux sew.
Tajjeb li kulħadd japprezza li l-Kap tal-Partit u s-Segretarju Ġenerali tal-Partit bilfors li jridu jaħdmu id f’id iżda nammetti li f’dawn ix-xhur li għaddejna jien skoprejt ħafna aktar lil Bernard Grech. Kemm għaliex ħdimt viċin tiegħu u wkoll għaliex bdejt nifhem aktar u aktar il-mod kif hu jaħseb.
Naturalment kien iweġġa’ meta xi ħadd jagħmel xi ħaġa biex ifixkel. Li xi ħadd jiżbalja hi xi ħaġa normali, iżda li xi ħadd jippjana li jiżbalja… le din mhix aċċettabbli.
Bernard Grech kien lest li jgħin lil kulħadd u kien iħobb liż-żgħir li għandu bżonn lil min iwieżnu biex tassew ma jaqax lura u jagħmel kuraġġ.
Dejjem lest li jgħin
Bernard Grech kien jgħin lil min kien ikun f’diffikultà. Dejjem kien lest li jisma’. Dejjem kien lest li jgħin. Kien raġel uman u din l-umanità wieħed kien iħossha fil-veru sens tal-kelma.
It-tluq ta’ Bernard Grech hu telfa kbira għall-Partit Nazzjonalista. Bla dubju ta’ xejn li wara t-tluq ta’ Bernard hemm se nsibu ħafna affarijiet tajbin ħafna imma se nsibu wkoll affarijiet li setgħu saru aħjar. Kif wara kollox se nagħmel jien u se jiġri lili darba nispiċċa minn Segretarju Ġenerali tal-Partit.
Nista’ ngħid li f’dawn ix-xhur li ħdimna flimkien għamilna għadd ġmielu ta’ affarijiet. Bdejna numru ta’ ċaqlieq. Anki fir-rigward tal-Istatut biex isiru r-riformi li hemm bżonn. Għamilna wkoll il-laqgħat ġenerali għall-Kumitati. Ħdimna wkoll fir-rigward tat-tesserati u wkoll fit-tiġdid tat-tesserament… il-Kunsillieri Lokali… ħdimna mill-qrib biex l-istrutturi tal-Partit jaħdmu b’mod aħjar u b’mod aktar effiċjenti.
Kont niddiskuti kollox miegħu u min-naħa tiegħu kien iħallini nimraħ u naħdem u meta Bernard Grech ħabbar ir-riżenja tiegħu jien verament ħaġa bħal din ma kontx qiegħed nistenniha. Ma kontx qiegħed nistenniha għaliex nemmen li setgħet kienet evitata.
Nifhem x’kultant kien qiegħed iħoss Bernard Grech u nirrispetta d-deċiżjoni tiegħu. Din kienet deċiżjoni li ħadha hu stess fl-isfond ta’ ċertu diskors li kien qiegħed jingħad li kieku kien evitat, allura kieku konna nevitaw anki dan il-proċess li l-Partit għaddej minnu bħalissa. Nemmen li kieku flok paċpaċna, xammarna u ħdimna aktar… ir-riżultati kienu jkunu aħjar.
Imma dik hi s-stwazzjoni llum u issa qed inħarsu lejn il-ħatra ta’ Kap ġdid tal-Partit u l-ħajja trid tkompli.
Jien dejjem emmint li l-Kap għandu jinbidel wara kull Elezzjoni Ġenerali. Bħalma għandu jinbidel ukoll is-Segretarju Ġenerali. Jekk għandha ssir bidla, allura din għandha ssir f’dawk iż-żminijiet. Allura nemmen li kull ħaġa barra minn żmienha hi ħażina. Jekk taqta’ l-aqwa frotta barra minn żmienha… din tagħmillek il-ħsara. Allura kollox f’ħinu u f’waqtu. Ma tgħaġġilx iżda ma torqodx.
Imma konxjament ngħid li Bernard Grech ħa d-deċiżjoni t-tajba meta ddeċieda li jirriżenja biex hekk jagħti l-opportunità lil dawk kollha interessati f’dan ir-rwol jikkandida lilu nnifsu għat-tmexxija u hekk kulħadd ikollu l-opportunità li jieħu l-passi li għandu jieħu.
Din is-sitwazzjoni illiberat lil Bernard Grech milli jkun xi forma ta’ ostakolu għaliex bid-deċiżjoni tiegħu fetaħ il-bibien kollha beraħ għal kull opportunità. Bernard Grech meta rriżenja għamel l-għażla t-tajba biex ħadd ma jista’ jgħid li kien qiegħed jostakola l-affarijiet.
Ma ninsewx li Bernard Grech wiret Partit li kellu diversi sitwazzjonijiet interni u rnexxielu tul is-snin li għamel bħala Kap tal-Partit jagħlaq ħafna minn dawk il-ġrieħi u dak li ma ngħalqux għax ma kienx jiddependi minnu.
Illum għandna Partit li hu aktar b’saħħtu u aktar magħqud. Ma jridx li jmur lura għal żminijiet oħra. Bernard Grech irnexxielu jagħmel biċċa xogħol kbira li wasslet ukoll biex is-sena l-oħra jagħmel kisba mill-aqwa fl-elezzjoni tal-MEPs u f’dik tal-Kunsilli Lokali.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>