Liam Sciberras
Il-President Kulleġġ Kunsillieri Lokali Partit Nazzjonalista
Ħames snin ta’ tmexxija b’dinjità, b’sens ta’ lealtà assoluta, u ta’ dedikazzjoni sħiħa lejn il-Partit Nazzjonalista u l-poplu Malti u Għawdxi. Kelma waħda hemm għal dan kollu: ‘grazzi’.
Bernard Grech ħa t-tmexxija f’mument diffiċli għall-Partit. B’ċirkustanzi interni straordinarji, però, flimkien mat-tmexxija tal-Partit u b’direzzjoni soda, Bernard Grech wera tmexxija li rrifjutat il-politika tal-biża’ għall-konfront politiku b’sens ta’ rispett, viżjoni u bżulija. U r-riżultati bdew jitkellmu waħedhom.
Fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tal-2024, taħt it-tmexxija tiegħu, il-Partit Nazzjonalista kiseb riżultat storiku, fejn żied il-maġġoranza tiegħu b’mod qawwi f’għadd ta’ lokalitajiet, żied l-għadd tal-voti kważi f’kull lokalità, u naqqas id-distakk minn mal-Partit Laburista b’mod konsiderevoli. Dan kien frott strateġija mibnija fuq impenn reali, fuq l-għażla ta’ nies kompetenti u fuq politika li tassew tisma’ n-nies.
L-istess jista’ jingħad għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2024, fejn il-Partit Nazzjonalista kiseb lura t-tielet siġġu, u kompla jsaħħaħ il-preżenza tiegħu mal-elettorat Malti fejn b’ħidma qawwija id-distakk elettorali f’din l-elezzjoni naqas għal 8,454 vot.
Din kienet u hija xhieda li l-poplu jrid vuċi serja, onesta u kompetenti – u rrikonoxxa l-isforzi li saru taħt it-tmexxija tiegħu. Dan kollu huwa prova ċara li l-viżjoni tiegħu bdiet tħalli l-frott elettorali meħtieġ għal ġid tal-Partit Nazzjonalista.
Sens qawwi ta’ servizz pubbliku
Bernard Grech wettaq dan kollu b’umiltà u b’sens qawwi ta’ servizz pubbliku. Dan kollu juri li sema’ u fetaħ il-bibien għal kulħadd u kompla jibni fejn ħallew ta’ warajh għal għan wieħed; sabiex il-Partit Nazzjonalista jkun il-vuċi reali li pajjiżna jixraqlu.
Fuq kollox, Bernard Grech għaraf li l-Partit irid iservi l-poplu, mhux jisserva bil-poter. B’diskors koerrenti, bi stil kalm imma determinat, u b’kapaċità umana, Bernard Grech ġedded l-ispirtu Nazzjonalista minn ġewwa.
Personalment, se nibqa’ grat għal kull ġest ta’ fiduċja li wera lejn kull attivist tal-Partit Nazzjonalista, inkluż lejja. Nixtieq, b’qalbi kollha, nirringrazzja lil Bernard Grech ukoll għall-appoġġ personali li tani, meta fil-21 ta’ Marzu 2025 kont maħtur bħala President tal-Kulleġġ Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista, kariga li irrispettivament mit-titli, iġġorr responsabbiltà qawwija sabiex il-kunsillieri lokali tagħna jirrapreżentaw ir-residenti tagħhom bl-aqwa mod, b’sens ta’ lealtà lejn ir-raħal/belt tagħhom, iżda wkoll il-lealtà lejn il-Partit Nazzjonalista.
Imma dak li se jibqa’ tassew memorabbli huwa kif Bernard mexxa: b’valuri, b’onestà u b’kuraġġ. Il-politika għandha bżonn aktar bnedmin ‘umani’ bħal Bernard Grech. L-isem tiegħu se jibqa’ marbut ma’ kapitlu ta’ rinnovament u tama fil-Partit Nazzjonalista.
Grazzi tal-eżempju tiegħek, Bernard – u grazzi talli qatt ma ċedejt għal dak li temmen; fl-għaqda, fl-għan kollettiv wieħed għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista u fil-prinċipju ewlieni; inpoġġu l-bniedem fiċ-ċentru tal-politika Nazzjonalista.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>