Marie Claire Zammit
Il-President
Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN)
Kull Kap tal-Partit Nazzjonalista jħalli impatt warajh u legat ta’ tmexxija li tkun timbru tal-perjodu li fih okkupa l-pożizzjoni. Bernard Grech żgur li ser jibqa’ msemmi bħala l-Kap li ġab l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista. Bis-sempliċità f’diskorsu, bl-għemil tiegħu u bil-persważjoni, irnexxielu jerġa’ jdaħħal sens ta’ għaqda, f’Partit li kien għadda minn perjodu mhux faċli.
Lil Bernard Grech kont nafu biss mill-midja. Persuna elokwenti u kif jgħidu, parola facile. Wara li laħaq Kap, sirt nafu aktar mill-viċin u kelli l-opportunità li bħala President tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista, naħdem aktar viċin tiegħu. Dejjem dispost sabiex jisma’ kull proposta li noħorġu biha u jagħtina pariri siewja rigward il-ħidma tagħna bħala fergħa.
Li nammira fih huwa s-sens kbir ta’ dover lejn il-familja, mhux biss tiegħu imma l-familja Maltija. Dan wassal sabiex meta ħriġna bil-proposti estiżi fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, hu kien l-ewwel wieħed li mbotta dawn il-proposti.
Bħala persuna li rabba familja, medd idu fit-trobbija tat-tfal, anke meta l-mara tiegħu baqgħet taħdem, kien jifhem perfettament ir-rwol ta’ kull ġenitur f’kull stadju tal-ħajja familjari.
Il-kwalità tal-ħajja ta’ kull individwu, hija parti importanti mill-ħidma ta’ kull politiku. Meta konna naslu għal kwistjonijiet difficli, bħal dwar in-nisa vittmi ta’ vjolenza domestika jew fil-postijiet tax-xogħol, temi bħal tal-IVF, fejn jirrikjedi ħafna għarfien fuq is-suġġett, hu kien minn ta’ quddiem sabiex jitlob u jfittex kull parir neċessarju qabel ma jitkellem u jieħu deċiżjoni.
Persuna li jiddjaloga
Bernard Grech qatt ma kien persuna li jgħid le mill-ewwel, imma jiddjaloga, lest li jisma’ u jifforma opinjoni. Barra minn hekk, kellu sens kbir ta’ kompassjoni lejn nies li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja, bħal fil-każ ta’ omm Jean Paul Sofia, fejn wera solidarjetà bil-fatti lejn omm li qed tfittex ġustizzja wara l-mewt ta’ binha.
Dan konna narawh anke aħna bħala fergħa fid-diversi żjarat li għamilna miegħu u ma’ AnneMarie Grech ġewwa shelters tan-nisa, djar tal-anzjani u tat-tfal. Hemmhekk kienet toħroġ l-umanità tiegħu.
Ma nixtieqx ninsa wkoll insemmi lis-Sinjura AnneMarie Grech, mart Bernard. AnneMarie sa mill-bidunett, avolja qatt ma kienet messet ma’ partit politiku, sabet ruħha fi rwol importanti li serviet fih bl-akbar dedikazzjoni.
Ma kienx ikun hemm attività tal-fergħa fejn kienet tiġi mistiedna, u ma tattendix, u tagħtina l-għajnuna kollha tagħha. Fl-attivitajiet bħal ta’ Pink October, Jum il-Mara, Jum l-Omm u oħrajn, dejjem kienet tkun minn tal-ewwel sabiex tiġi tagħti l-kontribut tagħha.
Però l-aktar li kont nammirha hu fi żjarat ġo shelters tan-nisa, fejn kienet tieħu interess u tara kif tagħmel sabiex tgħin lil kull min kellu bżonn. Ħafna ħidma fis-skiet u bla daqq ta’ trumbetti, imma li ħalliet effett lejn kull persuna li għenet.
Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista żgur li ser jibqa’ grat għal-legat sabiħ li ser iħalli warajh il-Kap Bernard Grech, flimkien mal-kontribut ta’ martu AnneMarie.
Minn qalbna nawgurawlhom għal ħajja futura, kemm jekk tkun f’aktar ħidma politika jew le.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 31 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>