Impenn għall-Housing Lokali Qorti

Protest ġudizzjarju mill-MDA kontra l-iskema ta’ housing “affordabbli”

Il-Malta Development Association (MDA) ressqet protest ġudizzjarju kontra skema tal-Gvern li tipprovdi biex jinbnew ‘units’ residenzjali fuq art pubblika u jinbiegħu b’70% tal-valur tas-suq. Skont l-MDA, din l-inizjattiva, li qed tiġi ppreżentata bħala waħda soċjali, fil-verità tista’ twassal għal diskriminazzjoni, sfruttament tal-art pubblika, u impatt negattiv fuq is-suq tal-proprjetà.

Il-proġett, li kien approvat mill-Parlament wara fondazzjoni mwaqqfa fl-2022 bħala sħubija bejn il-Gvern u l-Arċidjoċesi ta’ Malta bl-iskop li jgħinu lil dawk bi dħul baxx u medju, jiġifieri nies li jaqilgħu biżżejjed biex ma jikkwalifikawx għal housing soċjali, imma mhux biżżejjed biex jifilħu jixtru f’suq miftuħ.

L-MDA sostniet li, bil-mod kif hija mfassla, l-iskema se tfisser li art pubblika ma tibqax disponibbli għal dawk li verament għandhom bżonn, iżda minflok se tintuża biex jiġi żgurat profitt għal żviluppaturi privati. L-Assoċjazzjoni saħqet li l-art, li essenzjalment tkun qed tingħata b’xejn lill-iżviluppaturi, qed twassal biex dawn jagħmlu profitt sinifikanti minkejja li l-proprjetà tkun qed tinbiegħ bi prezz aktar baxx mis-suq.

L-MDA argumentat ukoll li l-iskema mhix tixbah skemi oħra mmexxija mill-Awtorità tad-Djar fejn l-art tibqa’ taħt kontroll pubbliku. Hawnhekk, l-iżviluppaturi mhux biss jiġu megħjuna fl-ispejjeż, iżda se jkunu jistgħu jżommu l-profitt minn bejgħ li jsir fuq art pubblika mogħtija bla ħlas.

Il-protest jikkritika wkoll il-proċess ta’ sejħa għall-offerti, billi nnota li l-perjodu ta’ inqas minn xahrejn biex jiġu sottomessi l-offerti huwa qasir wisq meta wieħed iqis il-kumplessità ta’ dawn il-proġetti. Barra minn hekk, is-sejħa saret matul ix-xhur tas-sajf, meta ħafna kumpaniji jkunu qed joperaw b’persunal imnaqqas – fatt li l-MDA tgħid li jista’ jqajjem suspetti dwar jekk is-sejħa kinitx maħsuba għal ċerti individwi jew kumpaniji.

L-MDA qalet li anke jekk ma kien hemm ebda intenzjoni ħażina, xorta waħda jiddispjaċiha li dan il-proċess inbeda b’dan il-mod. L-Assoċjazzjoni esprimiet ukoll tħassib dwar il-possibbiltà ta’ ksur tar-regolamenti tal-għajnuna mill-istat kif stipulat fil-liġi Ewropea.

Għaldaqstant, l-MDA qed issejjaħ lill-Ministeru u lill-FAH biex immedjatament iwaqqfu l-iskema u l-proċess ta’ sejħa għall-offerti, sabiex jiġi żgurat li l-għan ta’ akkomodazzjoni affordabbli jinkiseb b’mod trasparenti, mingħajr diskriminazzjoni u bla ksur tal-liġi.

Il-protest ġie ffirmat mill-avukat Joseph Camilleri.