Edward Pavia, li llum għandu 74 sena, fetaħ protest ġudizzjarju kontra l-Istat wara li l-multa ta’ kważi miljun ewro li kien ġie kkundannat iħallas fl-1998 ġiet konvertita f’sentenza ta’ ħabs effettiva kważi sebgħa u għoxrin sena wara.
Il-każ imur lura għall-1983 meta Pavia kien ġie mixli flimkien ma’ tliet persuni oħra bi ksur tal-Customs Ordinance. Fl-1995 kien instab ħati u fl-1998 il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat il-maġġoranza tas-sentenza, li kienet tinkludi multa ta’ Lm403,430.26, ekwivalenti għal €939,739.72 tal-lum.
Matul is-snin, Pavia diġà kiseb żewġ deċiżjonijiet favur tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tiegħu minħabba d-dewmien eċċessiv tal-proċeduri. Disgħa snin ilu l-Qorti Kostituzzjonali Maltija tatu kumpens ta’ €5,000, filwaqt li fl-2020 il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tatu €21,000 wara li kkonstatat li l-proċessi kriminali u kostituzzjonali kienu twal wisq.
Madankollu, Pavia issa jinsab il-ħabs wara li l-multa ġiet konvertita f’piena effettiva biss is-sena li għaddiet, deċiżjoni li fi kliemu setgħet ittieħdet ħafna qabel. Dan wasslu biex f’Awwissu 2024 fetaħ kawża kostituzzjonali oħra li għandha tinstema’ f’Ottubru.
Minħabba l-urġenza tal-każ u dak li sejjaħ “dewmien inesplikabbli”, f’Mejju ressaq ukoll talba għal miżura interim li għadha ma ġietx deċiża. Fil-protest tiegħu Pavia sostna li jinsab issa jiskonta piena għal reat imwettaq 43 sena ilu, f’età avvanzata u wara snin twal ta’ dewmien li diġà ġew ikkonfermati bħala ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu.
Il-protest ġie ffirmat mill-avukati José Herrera u David Camilleri.
//= $special ?>