Żewġt irġiel tressqu l-Qorti wara li ppruvaw jimportaw madwar tmien kilogrammi ta’ ħaxixa tal-kannabis permezz tal-posta. Ousman Marcelo Issahaq Quinonez, żagħżugħ ta’ 22 sena minn Spanja li jgħix Marsaxlokk u li jaħdem fil-kostruzzjoni, u Analdo Andres Venghaus, raġel ta’ 47 sena mill-gżira ta’ Curaçao li jgħix Ħal Għaxaq, wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Iż-żewġt irġiel ġew mixlija li importaw ħaxixa tal-kannabis, li kkonfoffaw biex jimportaw id-droga, kif ukoll li kellhom fil-pussess tagħhom il-kannabis f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinitx għall-użu personali. Barra minn hekk, Quinonez ġie akkużat ukoll b’pussess aggravat ta’ pilloli tal-ecstasy.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Avukat Daniel Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Francesco Mizzi spjegat li l-Pulizija ġew infurmati mid-Dwana dwar pakkett suspettuż li wasal għand FedEx f’Ħal Luqa u li kien suspettat li kien fih sustanzi pprojbiti.
Wara li nfetħet investigazzjoni, il-pakkett instab fih tmien boroż magħluqa u ssiġġillati li kienu jiżnu madwar tmien kilogrammi ta’ ħaxixa tal-kannabis. Il-Maġistrat tal-Għassa awtorizza l-Pulizija biex twettaq kunsinna kkontrollata.
Meta n-numru tal-mobile ipprovdut mal-pakkett ġie kkuntattjat, Quinonez mar jiġbor il-pakkett u ġie arrestat minnufih. Sussegwentement, saret it-tieni kunsinna kkontrollata oħra li wasslet biex Venghaus ukoll ġie arrestat barra l-appartament tiegħu.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, semgħet talba għall-ħelsien mill-arrest li dwarha għad trid tiddeċiedi f’deċiżjoni li se tingħata ‘in camera’. Intant, ġiet milqugħa t-talba tal-Prosekuzzjoni biex jiġu ffriżati l-assi tal-akkużati.
L-Avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono u Jacob Magri dehru għal Venghaus, filwaqt li l-Avukat tal-Għajnuna Legali Mark Mifsud Cutajar deher għal Quinonez.
//= $special ?>