Lokali Qorti

Tgħid lill-Qorti li beżgħet għal ħajjitha waqt li klijent allegatament stupraha

Raġel ta’ 25 sena mill-Pakistan li kien diġà fuq il-libertà proviżorja fuq każ ieħor ta’ stupru, reġa’ ġie miċħud il-ħelsien mill-arrest wara li mara xehdet fil-Qorti kif allegatament sar vjolenti magħha u stupraha f’Tas-Sliema, f’ċirkostanzi li qalet li beżgħet għal ħajjitha.

Humair Yaqoob qed jiffaċċja akkużi ta’ stupru, sekwestru illegali, użu ta’ vjolenza u diversi reati sesswali oħra, aggravat bi ġrieħi ħfief li sofriet l-allegata vittma. Huwa qed iwieġeb li mhux ħati. Il-mara, li ilha taħdem bħala escort għal dawn l-aħħar ħames snin, xehdet permezz ta’ ‘video conference’.

Qalet li kienet iltaqgħet ma’ Yaqoob u qablu għal prezz ta’ €200 għal siegħa, minkejja li kien ġie msemmi f’grupp ta’ WhatsApp ta’ escorts bħala klijent problematiku. Hi qalet li qabel il-laqgħa infurmat lil sħabha dwar fejn kienet se tmur.

Fil-bidu l-imputat deher “ħelu”, iżda hekk kif daħlu fl-appartament fil-ħames sular, qalilha biex toqgħod kwieta u minnufih attakkaha. Hija rrakkuntat kif laqatha f’rasha, qabdilha għonqha u qalilha li ried ifarrakha, waqt li bdiet tgħajjat għall-għajnuna.

“Jien ridt biss li ngħix għax għandi familja… kien għadu qed jifgani u kont qed nitlob lil Alla,” qalet hi. Wara li damet tissielet, gidmitu iżda l-imputat xorta waħda ġegħelha tneħħi ħwejjiġha u stupraha darbtejn, waqt li talabha wkoll tappologizza talli gidmitu.

“Kieku kien ħalliel kien jieħu l-affarijiet u jitlaq, iżda hu ried jistuprani,” kompliet tgħid. Wara l-attakk, Yaqoob allegatament ħa l-mobile tagħha, talabha l-password u tagħtulu u beda jfittex ir-ritratti. Aktar tard ordna cab bl-istess apparat.

Meta kienu qed jistennew fit-triq, il-mara rnexxielha taħrab u tmur tiġri lejn raġel li kien għaddej minn hemm. Il-mara qalet li waqfet taħdem minħabba x-xokk li għaddiet minnu. Fil-Qorti, l-Ispettur Wayne Buhagiar qal li wara l-każ l-allegata vittma bagħtitlu messaġġ minn mobile ta’ ħabiba tagħha biex tieħu lura l-mobile tagħha, iżda Yaqoob talabha jew servizz sesswali jew €400.

Meta kienu se jiltaqgħu l-Imrieħel, l-imputat induna li kienet ma’ nies oħra u ħarab. Aktar tard ġie identifikat minn filmat u arrestat fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-avukati tad-difiża biex jingħata l-ħelsien mill-arrest, billi l-imputat m’għandux residenza stabbli u lanqas mezzi biex jgħix. Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia rrifjutat it-talba u ordnat li jibqa’ taħt arrest preventiv.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Cynthia Tomasuolo u Krista Spiteri Lucas bl-assistenza tal-Ispetturi Wayne Buhagiar u Joseph Mallia, filwaqt li l-avukati Franco Debono u Adreana Zammit qed jidhru għall-akkużat.