Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Dr Leonard Caruana, sabet ħati lit-Tuneżin ta’ 42 sena, Rami Abidi, li flimkien ma’ persuna oħra seraq ikel mill-ħanut Mulberry Pakistan Mini Market, fil-Gżira nhar it-28 ta’ Awwissu 2025.
Il-Pulizija kienet ġiet infurmata minn ħaddiem tal-ħanut li żewġ persuni, wieħed bi flokk blu u l-ieħor mingħajr flokk, serqu prodotti tal-ikel. Meta l-Pulizija resqet lejn żewġ persuni li jaqgħu fid-deskrizzjoni, wieħed minnhom waqqa’ sikkina ta’ 20 ċentimetru mal-art.
Permezz ta’ ritratti mis-CCTV, l-akkużati ġew identifikati u arrestati. Ir-riżultati wrew li s-serqa kienet tikkonsisti f’landa sardin u oħra tonn taż-żejt, b’valur totali ta’ €6.20. Abidi ammetta l-akkużi u wera dispjaċir, filwaqt li obbliga ruħu jħallas lura l-valur tal-oġġetti misruqa.
Il-Qorti nnotat li għandu fedina penali nadifa u li din kienet l-ewwel darba li xellef difrejħ mal-liġi. Bħala riżultat, huwa ġie kkundannat għal tliet xhur ħabs sospiżi għal sena u ordnat ukoll iħallas is-somma ta’ €6.20 lill-vittmi fi żmien xahar.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elton Buckingham.
//= $special ?>