Lokali

Baraxx ta’ kritika dwar il-farsa fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali

“Ġungla ta’ konkos u trab. Pastażata. Il-poplu mhuwiex stupidu u m’għadux jemmen kollox. Qed tkomplu teqirdu l-ftit spazji ħodor li baqa’ f’pajjiżna.”

Din kienet il-kritika enormi taħt l-istorja tal-media Laburista wara li ħarġet l-aħbar li l-Park Nazzjonali f’Ta Qali ġie miksi bir-ramel.

Il-kummenti taħt din l-istorja jixhdu r-rabja tal-poplu Malti u Għawdxi dwar din il-farsa kif ukoll spikkat il-karba tal-poplu dwar il-fatt li pajjiżna għandu bżonn aktar spazji ħodor.

Oħrajn qalu li l-parks barra minn xtutna kollha miżgħuda bil-ħaxix u ma jidhru xejn l-istess bħall-farsa li għamel Jason Micallef f’Ta Qali. Uħud qalu wkoll jekk dan iż-żrar li ġie mixħut huwa vera ta’ kwalità, il-Partit Laburista għandu juri l-provi ta’ dan għaliex postijiet oħra barra minn xtutna jidhru kompletament differenti.

Persuna oħra qalet li qed tidher mill-aktar evidenti li Gvern qed jaqdi lil tal-qalba minflok l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi.

Apparti minn hekk, fi stqarrija, il-Front Żgħażagħ għall-Ambjent ikkundanna d-deċiżjoni li ħa Jason Micallef b’rabta mal-Park Nazzjonali u saħansitra saħaq li Jason Micallef mhuwiex adattat biex jokkupa kwalunkwe kariga li għandha x’taqsam mal-protezzjoni tal-ambjent ta’ Malta.

Dan apparti li t-theddida ta’ Micallef li jieħu passi legali kontra l-preżentatriċi Trudy Kerr għaliex esprimiet it-tħassib tagħha…. hija attentat inaċċettabbli biex jintimida l-libertà tal-espressjoni u l-parteċipazzjoni pubblika f’soċjetà demokratika.

Minn naħa tiegħu, f’post fuq il-midja soċjali s-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia prova jiddefendi d-deċiżjoni ta’ Jason Micallef hekk kif qal li l-materjal – skont hu – huwa ta’ kwalità.