Lokali Qorti

Eks plejer tal-football mhux ħati li wettaq serqa armata mill-istabbiliment Izibet

L-eks plejer tal-futbol Mark Anthony Bonnici ta’ 45 sena minn Birkirkara iżda residenti Ħ’Attard ġie meħlus mill-akkuża ta’ serqa armata mill-istabbiliment f’San Ġwann wara li l-Qorti ma sabitux ħati għax il-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-każ lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Il-każ kien jinvolvi serqa armata li seħħet f’Marzu ta’ erba’ snin ilu, meta raġel armat u b’wiċċu mgħotti daħal fl-istabbiliment, hedded lill-impjegata, u ħarab b’madwar €1,000- fi flus kontanti. Il-prosekuzzjoni kienet argumentat li l-imputat kien mar l-istabbilimment aktar kmieni dak in-nhar biex jippjana s-serqa, u aktar tard uża karozza li kienet fi pussess tiegħu biex iwettaq ir-reat.

Madankollu, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qieset li l-provi kollha miġbura, inklużi filmati tas-CCTV, dejta minn trackers u mobile phones, kif ukoll l-informazzjoni forensiku mill-espert tekniku, ma kinux biżżejjed biex jgħaqqdu direttament lill-imputat mar-reat.

Il-Qorti osservat li kien hemm diversi diskrepanzi bejn ir-rotta indikata mit-tracker u d-dejta mill-mobile, u li l-prosekuzzjoni naqset milli tippreżenta xhieda kruċjali jew tispjega b’mod sod dawn id-diskrepanzi. Barra minn hekk, l-arma li ntużat u l-flus misruqa ma nstabux, u l-filmati tas-sigurtà ma kinux juru wiċċ l-aggressur b’mod ċar biżżejjed biex isir identifikazzjoni affidabbli.

Fid-dawl ta’ dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti qieset li kien hemm lok għal dubju serju dwar il-ħtija tal-imputat, u għaldaqstant iddeċidiet li tagħtih il-benefiċċju ta’ dan id-dubju u tilliberah mill-akkużi. Fil-każ li seħħ fit-3 ta’ Marzu 2021, il-Pulizija tad-distrett waslu fuq il-post wara li ġew infurmati li kienet seħħet serqa ftit qabel id-9pm..

Huma sabu lill-impjegata tal-ħanut – persuna ta’ nazzjonalità Pollakka – li rrakkuntat kif waqt li kienet wara l-bank, daħal raġel li pponta arma tan-nar lejha u ordnalha biex tagħtih il-flus. Hija spjegat kif ippruvat tagħfas il-buttuna tal-allarm b’mod diskret, mingħajr ma l-aggressur jinduna, qabel ma reġgħet marret lura f’postha.

Il-ħalliel baqa’ jinsisti biex tgħaġġel, u hija għaddietlu madwar €1,000 fi flus kontanti, li magħhom kien hemm ukoll tracker moħbi biex isegwu l-moviment tiegħu wara li telaq. Il-buttuna tal-allarm kienet fil-bidu tal-counter, taħt il-kexxun fejn kienu jinżammu l-flus u t-tracker.

Il-vittma spjegat li r-raġel li wettaq is-serqa kien jidher ta’ bejn il-50 u s-60 sena, b’karnaġjon ċar, u kien liebes maskra sewda kif ukoll ġakketta sewda b’dettalji oranġjo tad-ditta. Qalet ukoll li l-arma li kellu f’idejh kienet simili għal Glock, ta’ kulur griż, u li ma ratlu l-ebda tattoo. Fil-ħin tas-serqa kien hemm ukoll raġel anzjan ta’ madwar 70 sena ġewwa l-ħanut, li huwa klijent regolari.

Il-vittma qalet li qatt ma kienet rat lis-suspettat la fil-ħanut u lanqas fil-madwar, u lanqas ma kienet innutat xi ħaġa suspettuża qabel. Stqarret ukoll li l-ħanut ma kienx idaħħal aktar klijenti wara d-9pm., u li l-ħin normali tal-għeluq kien il-11pm.

Wara s-serqa, ġew infurmati s-sezzjoni tal-Major Crimes u l-Maġistrat tal-Għassa, u nfetħet inkjesta maġisterjali. Il-pulizija talbet filmati tas-sigurtà kemm mill-Izibet kif ukoll minn ħwienet fl-inħawi. L-Ispettur Lydon Zammit xehed li l-filmati u t-tracker kienu juru li t-traċċar tal-ħalliel beda minn San Ġwann, għadda mill-Gżira u Rue d’Argens, kompla għal bypass ta’ ħdejn il-mini tal-Università, baqa’ sejjer lejn Santa Venera, u minn hemm għal taħt il-mini tal-Imrieħel u Ħ’Attard, sakemm waqaf fi Triq Emvin Cremona.

Il-Major Crimes Unit, immexxija mill-Ispettur Jeffrey Scicluna, waslet fuq il-post tas-serqa fil-ħanut tal-Izibet f’San Ġwann, fejn saret tfittxija immedjata għal kwalunkwe karozza suspettuża li setgħet kienet għadha kemm ġiet miżmuma u kellha l-magna sħuna.

Minkejja dan, ma nstabet l-ebda vettura bħal din. Madankollu, il-pulizija nnotaw kamera tas-sigurtà f’Triq Emvin Cremona u ġew permessi jaraw il-filmat mis-sid. Dan il-filmat wera raġel maskili li wasal bil-karozza BMW X5, waqaf u daħal f’residenza fil-ħin eżatt li fih it-tracker, li kien marbut mal-flus misruqa, indika li kien waqaf f’dik il-lokalità. Irriżulta li dik ir-residenza kienet mikrija lill-imputat.

Fil-filmat, ir-raġel deher dieħel b’pass normali, iżda wara tliet minuti reġa’ ħareġ b’pass mgħaġġel ħafna u telaq bil-karozza. Aktar tard, għall-ħabta tal-11:15 p.m., membri tar-Rapid Intervention Unit waqqfu lill-imputat f’Tas-Sliema waqt li kien qiegħed isuq l-istess vettura BMW X5.

Fuqu nstabu €380 fi flus kontanti, li, għalkemm ma kinux l-ammont kollu misruq, il-kumpanija tal-Izibet kkonfermat li d-denominazzjonijiet tal-flus jaqblu ma’ dawk li kienu nsterqu. Fil-karozza nstab ukoll mobile li kellu żewġ numri. Il-vettura ġiet irmunkata lejn id-depot tal-pulizija għall-istħarriġ.

Inġabru aktar filmati tas-CCTV, inkluż dak mill-ħanut tal-Izibet. Il-filmati kkonfermaw il-verżjoni tal-vittma: li l-aggressur daħal mill-istess triq li ħareġ minnha – minn Triq il-Kapuċċini għal Triq S. Zarb – u saħansitra deher jgħaddi minn quddiem il-ħanut, jistenna fil-kantuniera, u mbagħad jidħol biex iwettaq is-serqa.

Wara li wettaq ir-reat, reġa’ ħareġ bil-mixi fl-istess direzzjoni. It-tracker kkonferma li f’dik il-parti tar-rotta kien miexi – peress li r-rata tal-moviment kienet baxxa – qabel ma l-istess vettura dehret f’diversi filmati ta’ kameras f’lokalitajiet differenti: taħt il-pont tal-mini ta’ San Ġiljan, fi Triq Birkirkara kantuniera ma’ Telgħet il-Kulleġġ l-Antik, f’post privat ieħor, u anke f’supermarket f’Rue D’Argens, il-Gżira. Il-ħinijiet ta’ dawn il-filmati kienu jaqblu perfettament mal-indikazzjonijiet tat-tracker.

L-għada, il-pulizija wettqu tfittxija fir-residenza tal-imputat, fejn sabu żarbun li jixbah dak li kien liebes l-aggressur, iżda ma nstabux il-ħwejjeġ l-oħra. Matul l-istqarrija mal-pulizija, l-imputat għażel li ma jwieġebx għal ħafna mistoqsijiet.

Madankollu, qal li kien għand xi ħabiba ġewwa San Ġwann. Meta mistoqsi għalfejn daħal u ħareġ mid-dar fi Ħ’Attard b’dik il-ħeffa, huwa qal li kienet daħlitlu telefonata u kellu jmur jiltaqa’ ma’ xi ħadd b’mod urġenti. Madankollu, ma ta l-ebda spjegazzjoni dwar kif il-movimenti tiegħu kienu jaqblu perfettament ma’ dawk tat-tracker.

Il-prosekuzzjoni spjegat li t-tracker kien apparat żgħir, simili għal SIM card, li ppermetta lis-sigurtà tal-kumpanija biex isegwu b’mod live il-moviment tiegħu. Minkejja l-evidenza, waqt il-kontro-eżami ġie kkonfermat li meta l-imputat ġie arrestat, ma nstabet l-ebda arma fuqu.

Il-mara li kienet fil-ħanut qalet li ma setgħetx tagħti dettalji preċiżi dwar il-persuna li daħlet għax kienet “a bit shocked” u rrealizzat li ma kienx prank. Il-mument kollu dam biss madwar 20 sekonda. Hija kienet insistiet li l-aggressur kien liebes ‘hoodie” u setgħet tara biss għajnejh u l-movimenti tiegħu.

L-akkużat kien qal lill-Pulizija li mhux l-ewwel darba li jżomm dan l-ammont ta’ flus fuqu u dan ukoll għaliex kien imur jagħti l-manteniment lil mara. Qal ukoll lill-Pulizija li ġieli mar fl-istabbiliment Izibet ta’ San Ġwann u lgħab xi flus u li hu kien ukoll mess mad-droga. Uffiċjal tal-probation xehdet fil-Qorti wkoll li Bonnici kien għadda minn trawma wara l-mewt ta’ ommu.

L-imputat ammetta li kien jagħmel użu minn vettura tal-għamla BMW X5, li kienet irreġistrata f’ismu u li kienet ilha għandu tliet xhur. Rigward ir-relazzjoni tiegħu mal-Izibet, kkonferma li kien klijent regolari “mhux ħażin” u anke irreġistrat magħhom, fejn kien nefaq eluf ta’ ewro, xi ħaġa li, skontu, din setgħet tiġi kkonfermata mill-impjegati tal-istabbiliment.

Dwar il-mobile li nstab fuqu, sostna li żammu miegħu l-ħin kollu dakinhar tal-inċident. Meta mistoqsi b’mod dirett jekk f’dawk it-tliet minuti li daħal id-dar ħalliex biddel il-ħwejjeġ, għażel li ma jweġibx. Fir-rigward tal-karattru u l-passat tiegħu, ġiet ippreżentata Social Inquiry Report minn Svetlana Bezzina Giannlucos, Probation Officer, fuq talba tad-difiża.

Wara li spiċċa mill-futbol żviluppa l-logħob tal-azzard

Hi kkonfermat li l-imputat kellu preċedenti kriminali għal reati relatati mat-traffiku, serq aggravat, ferita ħafifa u nuqqas ta’ ħlas dovut lill-Kummissarju tat-Taxxi. Minkejja li ġej minn familja stabbli, huwa kien ammetta magħha li l-mewt ta’ ommu affettwatu ħafna, billi kienet sostenn għalih fl-isport.

Kien jilgħab il-futbol fuq livell nazzjonali u l-futbol kien sors ta’ dħul għal ħafna snin. Iżda mal-mogħdija taż-żmien, żviluppa vizzju serju tal-logħob tal-azzard u kien għadda minn perjodu fejn għamel użu wkoll mill-kokaina.

Il-Qorti qalet li l-verżjoni tal-vittma kienet kruċjali f’dan il-proċess peress li kienet l-unika xhud okulari tal-inċident. Il-konfront tagħha mal-aggressur dam biss madwar minuta, u hi stqarret li kienet “shocked” u għalhekk ma setgħetx tagħti deskrizzjoni preċiża tiegħu.

Madankollu, semmiet li raġel liebes ‘hoodie’ u maskra sewda, u li seta’ deher biss għajnejh u ċerti movimenti tiegħu. Dan kollu rriżulta importanti meta tqieset l-evidenza awdjoviżiva mis-sistema tas-CCTV, li wriet il-moviment tal-aggressur u l-vettura suspetta – il-BMW X5 – tul rotta li kienet tikkorrispondi ma’ dik indikata mit-tracker li kien ġewwa l-pakkett tal-flus li nsterqu.

Minkejja l-madmad tal-provi ċirkostanzjali u l-fatt li l-movimenti tal-imputat kienu jaqblu ma’ dawk tat-tracker, il-Qorti sabet li l-evidenza ma kinitx biżżejjed biex tipprova lil hinn minn kull dubju raġonevoli li kien hu li wettaq is-serqa. L-assenza ta’ identifikazzjoni ċara mill-vittma, in-nuqqas ta’ arma.

Il-vittma iktar tard stqarret li għarfet għajnejn l-imputat bħala dawk tal-allegat aggressur, spjegat illi l-imputat kien mar filħanut tal-logħob drabi oħra bħala klient. Fil-fatt, l-aħħar darba li kellmitu kien madwar ġimagħtejn jew tliet ġimgħat qabel l-inċident u ddeskrivietu bħala “very polite person, we had conversations.”

Madanakollu, waqt is-serqa, ma jidhirx illi l-allegata vittma għarfet il-vuċi tal-aggressur, minkejja li kellimha minn distanza ferm ravviċinata. L-għada, ftakret biss illi l-aggressur kien kellimha bl-Ingliż u dehrilha li kellu aċċent ta’ xi ħadd mill-Ewropa tal-Lvant.

Hi tkellmet ukoll dwar l-arma li kien qiegħed iġorr l-aggressur.  L-ewwelnett, il-Qorti qalet li tosserva illi x’aktarx sar żball, possibbilment lapsus fl-informazzjoni li tirrigwarda il-ħin ta’ 20:48:35, stante illi hu fiżikament impossibbli illi fi tmin sekondi, l-mobile mexa minn Santa Venera għan-Naxxar!

Madankollu, ladarba l-prosekuzzjoni ma ġibditx l-attenzjoni tas-Service Provider dwar dan id-dettal u ma ressqet l-ebda rappreżentant tal-Melita biex jispjega jekk kienx sar xi żball, il-Qorti trid toqgħod fuq il-provi li għandha quddiemha.

Il-Qorti tosserva illi bejn 20:48:27 u 21:03:35, in-numru tal-imputat mexa minn St Venera għal San Pawl il-Baħar, u wara TasSliema, fejn fil-fatt kien arrestat aktar tard għall-ħabta tal-11:20pm. Skond din l-informazzjoni, minn 20:43:57, jiġifieri madwar tmien minuti wara li seħħet isserqa, ‘l quddiem, fl-ebda ħin in-numru tal-imputat ma ġie lokalizzat ġewwa Ħ’Attard, fejn huwa joqgħod.

Dan ifisser illi teżisti diskrepanza bejn ir-rotta li jidher li ħa n-numru tal-imputat skond il-localisation data u r-rotta tat-tracker skond il-Cash Tracking Report, b’tali mod li jinħoloq dubju raġonevoli dwar jekk il-mobile u t-tracker setgħux kienu t-tnejn flimkien fir-residenza tal-imputat ġewwa Ħ’Attard,

Il-fatt li ma nstabux il-ħwejjeġ li l-aggressur kien liebes fil-filmati wasslu biex il-Qorti tiddikjara li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-każ b’mod sodisfaċenti, u għalhekk, l-imputat ġie meħlus mill-akkużi miġjuba kontrih.

Il-Qorti sostniet fis-sentenza tagħha li minkejja d-deskrizzjoni relattivament ċara u r-rotta segwita mit-tracker, il-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex torbot biċ-ċertezza lil Mark Anthony Bonnici mar-reat. In-nuqqas ta’ identifikazzjoni diretta, l-assenza ta’ l-arma u l-flus misruqa, flimkien ma’ diskrepanzi bejn ir-rotta mit-tracker u d-dejta mill-mobile, wasslu lill-Qorti biex tikkonkludi li kien hemm dubji raġonevoli dwar il-ħtija tiegħu. Għaldaqstant, huwa ġie meħlus mill-akkużi kollha miġjubin kontrih. Għall-akkużat dehru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Anthea Bonnici Zammit.