Internazzjonali

Futur inċert għall-Ukrajna — bi Vladimir Putin jiċħad għas-sigurtà li l-Punent lest biex jipprovdi lill-Ukreni

 

 

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, ċaħad għall-proposti tal-Punent rigward il-preżenza ta’ ‘qawwa ta’ assikurazzjoni barranija’ fl-Ukrajna…Il-proposta hi intiża li tissarraf f’realtà ladarba jidħol fis-seħħ waqfien mill-ġlied konkret fil-attwali gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja.

Intant, Putin ma tilifx żmien biex jikkuntesta bl-aħrax din l-inizjattiva tal-pajjiżi alleati, bit- twissija li kwalunkwe suldati tal-Punent li jispiċċaw stazzjonati fl-Ukrajna għandhom minnufih jispiċċaw ‘mira leġittima’ għall-qawwiet tal-Kremlin.

It-theddida tal-President Russu kienet ċara u inekwivoka avola l-Punent ma għandu l-ebda pjani għal stazzjonar ‘bikri’ ta’ militar fl-artijiet Ukreni.

L-iżviluppi segwew is-summit ta’ Pariġi għall-Alleati tal-Ukrajna, bil-ħsieb li jkunu finalizzati l-pjani għall-garanziji dwar is-sigurtà tal-Ukrajna.

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, qal li 26 pajjiż alleat tal-Ukrajna impenjaw ruħhom formalment biex jistazzjonaw it-truppi ‘bil-mezzi tal-ajru, l-art u l-baħar’, bil-għan li jappoġġjaw l-inizjattivi lejn it-tisħiħ ta’ sigurtà ladarba tieqaf il-gwerra.

Macron, iżda, ma ddettaljax il-pajjiżi involuti fl-impenn u meta għalissa ftit hemm tamiet li tista’ tkun qrib xi forma ta’ waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna.

Sadanittant, Vladimir Putin tenna li għalkemm jinsab lest għal ‘kuntatt’ mal-Mexxej Ukren, Volodymyr Zelensky, hu ma jara l-ebda punt li ssir laqgħa bejniethom wiċċ-imb-wiċċ.

Putin, waqt li kompla fuq din it-tema, qal ukoll li ‘hu kważi impossibbli biex ir-Russja tasal fi qbil mal-Ukrajna dwar diversi issues prinċipali’.

Fl-istess ħin, Dmitry Peskov, il-kelliem ewlieni għall-Kremlin, faħħar l-isforzi tal-President Amerikan, Donald Trump, biex tinstab soluzzjoni għall-gwerra. Iżda Peskov ma żammx lura milli jikkritika lill-Istati Ewropej, talli dawn, skont hu, ‘qegħdin jipprovokaw il-kontinwazzjoni tal-konflitt’.

Intant, l-Alleati tal-Ukrajna – magħrufin bħala l-“Coalition of the Willing” u li huma mmexxija mir-Renju Unit u Franza – qed jistinkaw biex jipprovdu lill-Ukrajna bil-garanziji ladarba jintlaħaq ftehim dwar it-tmiem tal-ostilitajiet mar-Russja,

Il-garanziji għandhom jinvolvu l-impenji lejn it-tisħiħ tal-militar Ukren, minbarra l-introduzzjoni tal-imsemmija ‘qawwa barranija ta’ assikurazzjoni’ biex taċċerta li kwalunkwe kundizzjonijiet ta’ ftehim ikunu rispettati mill-partijiet kollha.

L-istazzjonar potenzjali tat-truppi tal-Punent fl-Ukrajna se jkun intiż biex ‘jevita splużjoni oħra ta’ ġlied’ iżda mhux se jkun hemm preżenza barranija qalb il-fronti tal-battalja magħrufin fl-artijiet Ukreni.

Fil-fatt, id-dikjarazzjoni ċara hi li din il-qawwa barranija mhix se jkollha ‘ir-rieda jew l-iskop’ biex tidħol f’xi konflitt armat mas-suldati tal-Kremlin.

L-Istati Uniti, għalissa, għadha ma indikatx l-iskala tal-involviment tagħha fl-inizjattivi potenzjali għall-ħarsien tas-sigurtà fl-Ukrajna. Dan wara li l-Mexxej Ukren, Zelensky, insista dwar il-ħtieġa li l-qawwiet tal-ajru tal-Amerikani, ‘il quddiem, jipprovdu ‘il-massimu tal-protezzjoni għall-Ukrajna.’

Fl-aħħar sigħat, il-President Trump żvela li kien għaddej ‘bi djalogu tajjeb ħafna’ mal-President Putin u li qed jippjana laqgħa oħra bejniethom fil-futur qarib….Dan waqt li Putin ukoll qal li kellu ‘djalogu ieħor miftuħ u interessanti’ mal-President tal-Istati Uniti.