Micallef, li huwa “delegat speċjali” tal-Prim Ministru u Kap tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, wera ripetutament li mhuwiex adattat biex jokkupa kwalunkwe kariga li għandha x’taqsam mal-protezzjoni tal-ambjent ta’ Malta.
Dan saħqitu Front Żgħażagħ għall-Ambjent, li spjegaw kif dan sar iktar evidenti f’post fuq Facebook li hu ppubblika fit-3 ta’ Settembru 2025, bħala risposta għal tħassib ġust li ġie mqajjem minn Ms Trudy Kerr rigward ix-xogħlijiet li qed isiru f’Ta’ Qali.
It-theddida ta’ Micallef li jieħu passi legali kontra Ms Kerr għaliex esprimiet it-tħassib tagħha hija attentat inaċċettabbli biex jintimida l-libertà tal-espressjoni u l-parteċipazzjoni pubblika f’soċjetà demokratika, komplew jgħidu FZA.
L-azzjoni legali proposta minn Jason Micallef tikkostitwixxi kawża SLAPP – jiġifieri kawża strateġika mmirata biex timblokka l-parteċipazzjoni pubblika.
Dan qed jiġri f’mument fejn Malta qed tiddiskuti l-Abbozzi ta’ Liġi 143 u 144, li jġorru magħhom riskji serji għall-ambjent tagħna, u fl-istess waqt, il-gvern qed jippromwovi kampanja ta’ propaganda biex jiġġustifika dawn l-abbozzi. F’dan il-kuntest, it-theddid ta’ Jason Micallef jirrifletti mudell ta’ attakki koordinati kontra kull min jipprova jressaq kritika pubblika.
Il-parteċipazzjoni pubblika għandha tkun apprezzata u mħeġġa, mhux milqugħa b’theddid jew intimidazzjoni. Huma dawk li jabbużaw mill-awtorità tagħhom li għandhom jiġu investigati – mhux dawk li b’kuraġġ jitkellmu biex jipproteġu l-ambjent u l-komunitajiet tagħna.
Fi stqarrija FŻA ħeġġew liż-żgħażagħ kollha biex jibqgħu sodi quddiem dawn it-theddidiet, dan filwaqt li esprimew solidarjetà ma’ Trudy Kerr.
Aħna nwiegħdu l-appoġġ tagħna lilha u lil kull min jiddefendi l-interessi ambjentali ta’ Malta. Fid-dawl tal-imġiba ħażina ripetuta tiegħu u l-abbuż tal-pożizzjoni tiegħu, FŻA qed isejjaħ għar-riżenja immedjata ta’ Jason Micallef minn kull kariga pubblika, temmew jgħidu FŻA.