Lokali

Il-Malta Airport Foundation tħabbar it-tlestija ta’ proġett ta’ Arti Sagri fil-Knisja ta’ Ħal Kirkop

Il-Malta Airport Foundation bi pjaċir tħabbar it-tlestija ta’ proġett ta’ arti sagra li għenet sabiex isir fil-Knisja Parrokjali ta’ San Leonardu f’Ħal Kirkop, liema proġett kien jinkludi l-pittura tal-koppletta, il-pendenti u n-nofs lunetti fil-Kappellun tal-Kurċifiss.

Il-pittura, li kompliet issebbaħ lil din il-knisja, tirrappreżenta żewġ temi ewlenin minsuġa fil-ħajja ta’ San Leonardu, jiġifieri d-deċiżjoni tiegħu li jsir djaknu u jgħix din il-missjoni bħala eremit, fejn iddistingwa ruħu partikolarament fit-tixrid tal-Evanġelju permezz ta’ atti ta’ mħabba u servizz.

Il-pittura tippersonifika wkoll l-opri tal-ħniena li kienu fiċ-ċentru tal-ħajja tal-qaddis u anke tirrappreżenta qaddisin u beati kontemporanji li bħal San Leonardu ddedikaw ħajjithom għall-qadi ta’ ħaddieħor, fosthom Charles de Foucauld, Giovanni Durante, Enrique de Almozora u Christian de Cherge.

Il-pittura l-ġdida ġiet inawgurata nhar l-Erbgħa u issa tista’ titgawda mill-komunità ta’ din il-parroċċa u minn dawk kollha li jżuru din il-knisja storika.

Iċ-Chairman tal-Malta Airport Foundation, Josef Formosa Gauci, qal li l-Fondazzjoni dejjem rat li l-proġetti li twettaq mhux biss jiċċelebraw il-kultura u l-identità Maltija imma anke jkunu qed jagħtu lura xi ħaġa lill-komunità. Spjega kif dan il-proġett f’Ħal Kirkop huwa wieħed għal qalb il-Fondazzjoni anke għax din taħdem biex tinvesti fil-komunitajiet ġirien tal-ajruport.

Għall-Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħal Kirkop, Dun Martin Cardona, l-importanza ta’ dan il-proġett tirriżulta mill-fatt li din il-knisja storika mhijiex biss iċ-ċentru u l-attrazzjoni ewlenija tar-raħal pittoresk ta’ Ħal Kirkop, imma hija wkoll il-qalba tal-komunità fejn il-Koppin kollha jinġabru flimkien. Barra minn hekk, Dun Cardona esprima l-ħsieb li l-pittura l-ġdida mhux biss se tkompli tgħani lill-knisja u żżid mal-patrimonju artistiku u storiku tagħha, imma għandha sservi biex tħeġġeġ lin-nies jirriflettu dwar il-virtujiet li mmarkaw il-ħajja ta’ San Leonardu u li għadhom relevanti anke għal żminijietna.