Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Charles Stroud

Ritratt: Catriel Farrugia

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Charles Stroud, li llum ingħata l-aħħar tislima fil-Mosta. Charles ħalla din id-dinja fl-età ta’ 75 sena fis-16 ta’ Awwissu.

Il-PN jibgħat il-kondoljanzi lil martu Doris u wliedhom Katya u Matthew.

Charles kien pijunier fil-qasam tax-xandir u d-direzzjoni televiżiva, fit-teatru u l-produzzjonijiet ta’ drama lokali. Jibqa’ magħruf għall-ħiliet kreattivi tiegħu, għad-direzzjoni televiżiva u tad-drama fuq il-media tal-PN, imma wkoll għall-ħidma tiegħu fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet politiċi tal-Partit Nazzjonalista.

Minbarra li kien figura strumentali fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet tal-massa u tad-dipartiment tal-armar tal-PN fis-snin tmenin u disgħin – inkluż fi żminijiet diffiċli għall-Partit u għall-pajjiż – kien fuq kollox pilastru fit-twaqqif ta’ NET Television u matul is-snin li wasslu biex infetaħ l-istazzjon tat-televiżjoni tal-PN. Charles Stroud serva bħala Head of Programmes ta’ NET TV u eventwalment anke Head of Operations tal-kumpanija.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech ukoll sellem il-memorja ta’ Charles Stroud u bagħat il-kondoljanzi f’ismu u l-familja tiegħu, kif ukoll f’isem il-PN, lill-familja tiegħu.

Strieħ fis-sliem u grazzi ta’ kollox, għażiż Charles.