Lokali

Inċident tat-traffiku l-Gżira, xufier ta’ mutur iweġġa’ gravi

Ilbieraħ, għall-ħabta tas-sitta u kwart ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq ix-Xatt, il-Gżira.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn moped Surron Light Bee misjuq minn raġel ta’ 24 sena residenti Ħal Tarxien, u mutur Honda NSC110 misjuq minn Libjan ta’ 35 sena residenti ż-Żurrieq.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet liż-żewġt irġiel l-Isptar Mater Dei. Aktar tard, ix-xufier tal-mutur ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi filwaqt li l-ieħor ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.