L-għada tal-wirja pożittiva minn Malta f’Kaunas fejn konna tant viċin ir-rebħ tat-tliet punti iżda ġejna misruqa minn rebħa storika, wara li r-referee ta’ penalty meta plejer tal-Litwanja waqa’ fil-kaxxa b’għereq, Net News jagħmel analiżi ta’ dak kollu li sawwar il-logħba tal-bieraħ. Il-Kap tat-Taqsima Sport ta’ Net Media, Christian Micallef jagħti l-ħsibijiet tiegħu l-għada ta’ din il-logħba.
Il-Ħamis filgħaxija d-destin tal-Maltin f’Kaunas kien kiefer, speċjalment meta tqis l-isfond kollu li sawwar il-preparazzjoni u l-prestazzjoni tal-iskwadra ta’ Emilio De Leo qabel u waqt din il-logħba kontra l-Litwanja.
F’Ġunju li għadda, Malta u l-Litwanja temmew fi draw ta’ mingħajr gowls, u l-avversarji tagħna ħarġu diżappuntnti bir-riżultat finali, iżda naqsu milli jagħmlu analiżi kostruttiva ta’ x’wassal għal dak ir-riżultat. Il-Litwani naqsu milli jagħtu mertu lill-Maltin għall-prestazzjoni tajba ta’ dak in-nhar, u l-iskwadra taħt it-tmexxija ta’ Edgaras Jankauskas, bdew jemmnu li ma kisbux ir-rebħa li ħasbu li se jirreġistraw, dimertu tagħhom. Dan kien żball, u minflok għamliu analiżi profonda tar-riżultat u l-prestazzjoni taż-żewġ timijiet, komplew juru nuqqas ta’ umiltá kbira, meta l-approċċ tagħhom għat-tieni partita kontra Malta, dik ta’ nhar il-Ħamis li għadda, kien juri element ta’ disrispett lejn il-progress li qed tagħmel Malta, speċjalment f’dawn l-aħħar partiti minn kemm ilu li ħa l-gwida teknika f’idejħ tat-tim, Emilio De Leo.
Kowċ Jankauskas wera nuqqas ta’ professjonalitá u intellet fit-tmexxija ta’ tim nazzjonali u fil-mod ta’ kif iġib ruħu u jitkellem qabel logħba. Wara li kien ilu 11-il partita konsekuttiva ma jirbaħ, baqa’ jwebbes rasu fuq l-istil tattiku li f’dawn l-aħħar partiti internazzjonali lagħbu l-Litwani, saħansitra wara li kienu ġejjin minn telfa ta’ 5-0 kontra d-Danimarka, f’konfront ta’ ħbiberija.
Fil-konferenza stampa ta’ lejlet il-partita kontra Malta, Jankauskas esprima ċ-ċertezza tiegħu li l-Litwanja kienet se tkun qed tilgħab logħob sabiħ u tirritorna għar-rebħ. Qisu ta’ x’jifhem li r-riżultat ta’ mingħajr gowls kontra Malta f’Ta’Qali, kien ta’ darba u ma kienx se jerġa’ jirrepeti ruħu.
Fl-ebda mument ma qal li l-futbol Malti qed jikber u li ftit tal-ġimgħa qabel, per eżempju, iċ-champions Maltin, Ħamrun Spartans kienu eliminaw liċ-champions tal-Litwanja, Zalgiris Vilnius mill-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League.
L-attitudni ta’ Jankauskas fid-diskors tiegħu, urew nuqqas qawwi ta’ maturitá u inteliġenża li kwalunkwé kowċ serju għandu jkollu f’dan il-livell. Ried juri li qed iħossu superjuri għall-Maltin, flok għamel analiżi kritika tal-problemi interni li għandu t-tim nazzjonali li jmexxi hu.
Jankauskas gab diversi skużi, saħansitra ma qalx il-veritá fuq l-għoti taċ-ċittadinanza doppja lill-atletli sportivi f’Malta u fil-Litwanja rispettivament. Iż-żewġ pajjiżi f’dan ir-rigward għandhom leġislazzjonijiet differenti. Qal nofs kliem u ma qalx il-veritá kollha bil-ħsieb li jiġbed is-simpatija jew iqarraq.
Saħansitra prova jnissel dubju dwar x’rabta kellu ma’ Malta d-debuttant fl-attakk ta’ Malta, Irvin Cardona, b’kumment li tinduna li kien satiriku. Rari nitkellem hekk fuq kowċ, Malti jew barrani, pero Jankauskas għamel dak kollu li ebda kowċ professjonali u serju m’għandux jagħmel.

Jankauskas ma tkellimx dwaru. Ma kienx umli u ma tkellimx fejn kien qed jiżbalja u x’kien se jirranġa biex kontra Malta jirbaħ bil-merti. Lanqas tkellem dwar it-titjib li għamlet l-iskwadra Maltija, u dan juri li probabilment hu u l-istaff tekniku lanqas għamlu analiżi teknika u tattika tat-tim Malti b’De Leo kowċ.

X’ġara? Gejna għall-logħba tal-Ħamis filgħaxija u l-Litwanja ta’ Jankauskas kienet sekondi biss ‘il bogħod minn telfa f’dahra kontra Malta. Irnexxilhom isalvaw punt grazzi għall-għajnuna u d-deċiżjonijiet (mhux kollha) żbaljati tar-referee tal-logħba.
Rebħu penalty dubjuż erba’ minuti fuq il-ħin miżjud, lejn tmiem il-partita, u li permezz tiegħu rrnexxilhom jiġbru punt ieħor kontra Malta.
Din id-darba l-eżitu finali kien se jkun agħar għall-Litwanja, u sinċerament ma nafx kif din id-darba, Jankauskas jista’ jiġġustifika l-prestazzjoni u r-riżultat tat-tim tiegħu kontra Malta, għajr li jibla’ kull kelma li qal u jibda jirrikonoxxi l-merti tal-Maltin u n-nuqqasijiet fit-tmexxija tiegħu. U ma ninsewx li kelna aktar minn nofs it-tim assenti fil-ġurnata minħabba diversi injuries.
L-attitudni ta’ Jankauskas hi lezzjoni għal kulħadd fil-futbol. Ħadd m’għandu jgħolli rasu fuq ħadd, u ħadd m’għandu jħossu superjuri għal ħadd. Anzi qabel ma tibda tikkritika, l-ewwel ħares lejn dak li qed tagħmel int, għaliex jista’ jagħti l-każ li int qed tiżbalja.
X’jagħmlu l-Litwanja ma jinteressanix, iżda b’persuna bħal Jankauskas fit-tmexxija tat-tim nazzjonali, il-futur tal-Litwanja ma tantx jidher li hu wieħed sabiħ u ftit li xejn jawgura entużjażmu ta’ rebħ.
Wirja pożittiva minkejja d-diffikultajiet u l-isifidi kolljha li kellu kowċ De Leo
Għal kontra l-Litwanja, De Leo, kowċ ta’ Malta, kellu problema fuq l-oħra xi jsolvi u lilhinn minn kwalunkwé kritika li l-Maltin dejjem nagħmlu lejn il-kowċ u t-tim Malti, iridu napprezzaw li din id-darba kelna kowċ nazzjonali li kellu jħabbat wiċċu ma’ diversi sfortuni, partikolarment dawk ta’ injuries, iżda mhux biss. Kien kowċ li ħadem u kien kapaċi jsib is-soluzzjonijiet, uħud minnhom saħansitra f’qasir żmien.
Mis-sejħa inizjali, De Leo kellu jħalli barra tnejn mill-Maltin li jilgħabu barra minn xtutna u li normalment jiffurmaw parti mal-ewwel ħdax. Dawn huma Teddy Teuma u James Carragher, it-tnejn minħabba injuries. Ma’ dawn it-tnejn, għal kontra l-Litwanja żdied ukoll il-captain tal-Maltin, Matthew Guillaumier, li għal din l-aħħar logħba kien sospiż.
B’dawn it-tliet plejers biss, l-iskwadra Maltija ddgħajfet għaliex l-esperjenza ta’ dawn il-plejers fit-tim Malti hija importanti.

Pero fuq nota pożittiva, Malta kellha r-ritorn ta’ Ilyas Chouaref li jilgħab ma’ FC Sion, u d-debutt tal-attakkant u skorer prolifiku, Irvin Cardona li sa fl-aħħar aċċetta li jilgħab għal Malta.
Iż-żieda ta’ Cardona se tkun ta’ għajnuna kbira għat-tim nazzjonali fil-partiti li jmiss, speċjalment meta wieħed iżomm f’moħħu li fl-attakk, bħala punta ċentrali, f’dawn l-aħħar snin dejjem kelna diffikulta biex ikolna plejer regolari u li jiskorja ammont konsiderevoli ta gowls. Dan l-istaġun, Cardona, li għandu 28 sena u jilgħab f’Ligue 2 ta’ Franza ma’ AS Saint-Étienne, diġa’ skorja tliet darbiet.
Għal kontra l-Litwanja kellu jagħmel id-debutt tiegħu l-Malti-Awstraljan, Jake Brimmer li kien mistenni jieħu post Teuma fil-ġurnata. Madankollu Brimmer kien wieħed mil-lista ta’ plejers li sa minn lejlet il-konfront kontra l-Litwanja, weġġa’ u kien dubjuż għal-logħoba. Fil-fatt, Brimmer spiċċa lanqas kien inkluż fost ir-riservi ta’ De Leo għal kontra l-Litwanja.
Ma’ din il-lista tal-aħħar żdiedu d-difensur ċentrali Gabriel Mentz u l-winger Ryan Camenzuli, b’dan tal-aħħar, l-istess bħal Brimmer, tħalla barra anke minn fuq il-bank. L-istess problema kelna fil-każ tal-winger offensiv ta’ Notts County, Jodi Jones, li fiżikament ma kienx fl-aqwa kundizzjoni tiegħu. Hu beda’ minn fuq il-bank u daħal jilgħab fit-tieni taqsima.
B’dawn l-ismijiet kollha, wieħed jifhem l-uġigħ ta’ ras, li kellu De Leo li iżda kien kompetenti biżżejjed li jnissel motivazzjoni u entużjażmu fost dawk li lagħbu biex il-Maltin xorta juru l-aħjar tagħhom, kif fil-fatt għamlu.
L-ewwel taqsima kienet aktar fil-kontrol tal-avversarji u għal darb’oħra kien protagonistra Henry Bonello. Iżda d-difiża Maltija, immexxija mil-captain tal-ġurnata, Zach Muscat uriet ukoll il-qlubija tagħha.
Bl-iskor ma jinfetaħx wara tmiem l-ewwel taqsima, u b’Malta gawdiet minn aktar pussess tal-ballun fl-ewwel 45 minuta tal-logħba, il-Maltin kienu ffukati aktar u minkejja konna taħt pressjoni, rrnexxilna nirbħu d-dwelli diretti, speċjalment fid-difiża, għall-ispejjez tal-avversarji.
B’sistema ta’ 4-4-2 imposta minn De Leo sa mill-ewwel minuta, mal-ftuħ tat-tieni taqsima l-unika bidla ta’ Malta kienet dik difensiva, fejn is-Slimiż Myles Beerman kien mibdul ma’ Juan Corbalan.
Fit-tieni taqsima Malta kienet aktar offensiva. Bdejna nuru logħob aħjar u konna aktar diretti lejn il-lasti avversarji.

Bidliet importanti minn De Leo fl-aħħar kwarta
Fl-aħħar kwarta tal-partita, żiedna d-doża tagħna fl-attakk. Kif? X’biddel De Leo?
Bqajna nilgħabu 4-4-2., filwaqt li l-Litwanja żammew il-modulu tattiku li bdew biħ sa mill-ewwel minuta ta’ 4-2-3-1.
Fl-attakk, Cardona baqa’ jilgħab, iżda inbidel Paul Mbong, li ħadlu postu Jodi Jones. F’nofs il-grawnd, Chouraref minn fuq il-lemin, De Leo qalbu għal fuq ix-xellug. Fuq il-lemin daħal jilgħab is-Slimiż, Adam Magri Overend, filwaqt f’nofs il-grawnd, Alex Satariano żamm postu iżda Brandon Paiber kien mibdul ma’ Jake Grech.
B’dawn il-bidliet l-intensitá tal-logħba Maltija żdidet u bdejna ninkweta lill-avversarji. Il-gowl tal-Maltin kien fil-qrib, u wara li Satariano tilef ċans tajjeb li jitfa’ fix-xibka, fit-83 minuta, minn azzjoni ta’ Chouaref li qata’ mix-xellug lejn in-nofs, dan għadda lejn Magri Overend, li b’mod inteliġenti ta assist lil Satariano li rrnexxilu jiskorja l-gowl tal-vantaġġ li kien mistħoqq.
Gowl li wasal fl-aħħar ħinijiet tal-partita u li għolla l-moral tal-Maltin, iżda fl-istess waqt irrabja lill-avversarji li komplew jifhmu li kien żball sa minn dejjem li ssottovalutaw lill-avversarji tagħhom. Tal-inqas naħseb hekk ġralhom, għaliex jekk għadhom qed jemmnu li kollox ġara b’dimertu tagħhom allura vera għadhom ma tagħlmu xejn.

Fl-aħħar erba’ minuti qabel id-90 minuta, Cardona kien mibdul ma’ Jake Azzopardi, bil-ħsieb li jniżżel liż-żagħżugħ promessa ta’ Valletta f’mofs il-grawnd, u jżid il-presenza tal-Maltin fil-midfield.
Iżda din il-bidla ma kellha ebda ċans tħalli l-frott tagħha għax bilkemm għaddew żewġ minuti li Azzopardi ma tkeċċiex għal fawl mhux intenzjonat. Iżda sforz in-nuqqas tal-esperjenza internazzjonali li għadu qed jikseb Azzopardi, il-plejer ħalla lil sħabu b’għaxra fl-aħħar ħinijiet deċiżivi tal-logħba.
Id-drama kienet għadha ma spiċċatx. Fit-92 minuta, ir-referee ta penalty, li mhux se ngħid li kien ineżistenti għaliex inkun partiġjan fl-analiżi tiegħi, iżda li kien kiefer wisq mal-Maltin iva, għaliex il-kuntatt li sar minn Musscat mal-avversarju fil-kaxxa ma kienx wieħed li kellu jkun ikkastigat bl-għoti ta’ penalty, u naraw ħafna bħalu u penalties ma jingħatwx. Li hu żgur hu li b’deċiżjoni li għandi dubji serji kemm ħaseb wisq dwarha, ir-referee biddel ir-riżultat b’mod inġust.
Id-draw ta’ 1-1 ma jnaqqas xejn mil-mertu tal-plejers tagħna għajr li meta tara kollox f’daqqa, u għal dak li rrnexixilna nagħmlu tul id-90 minuta, nemmen li kien jistħoqilna niksbu l-ewwel tliet punti f’dan il-grupp.
Kull Malti li lagħab ta qalbu u kellu l-pożittiv tiegħu. Meta tqis li kelna ħafna elementi importanti neqsin, din il-wirja tal-plejers ta’ De Leo kienet brillanti. Iva brillanti, f’ċirkostanzi diffiċli li konna kapaċi nirkbu fuqhom u xorta niksbu punt.
//= $special ?>