Anzjan tressaq il-Qorti u nżamm taħt arrest preventiv wara li allegatament kiser ordni ta’ protezzjoni li kienet ingħatat favur tal-eks mara tiegħu u n-neputija tagħhom. Fil-Qorti ħareġ li hemm kawża pendenti oħra kontra l-akkużat fejn kienet ukoll ingħatat ordni ta’ protezzjoni.
Għalkemm huwa u l-eks mara tiegħu kienu separati għal numru ta’ snin, għadhom jgħixu taħt l-istess saqaf. L-Ispettur Sherona Buhagiar spjegat li l-Pulizija marru għand id-dar tal-mara wara rapport dwar argument, fejn l-akkużat allegatament hedded kemm lilha kif ukoll lin-neputija tagħhom. Ġie kkonfermat ukoll li r-raġel kkopera mal-awtoritajiet.
Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata. L-Avukata Yanica Bugeja, li dehret għall-akkużat, qalet li inizjalment ma kinitx se titlob il-ħelsien mill-arrest minħabba nuqqas ta’ residenza alternattiva. Madankollu, fuq insistenza tal-akkużat, saru sottomissjonijiet dwar il-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, billi qieset in-nuqqas ta’ residenza oħra kif ukoll il-biża’ li l-akkużat jerġa’ jikkommetti reat simili. L-Ispettur Sherona Buhagiar qed tmexxi l-prosekuzzjoni. L-Avukata Yanica Bugeja qed tidher għall-akkużat, filwaqt li l-Avukata Alexandra Mamo qed tidher bħala parte civile.
//= $special ?>