Lokali

Kollox lest għal jum l-elezzjoni għal Kap tal-PN

Il-proċess ta’ votazzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista se jilħaq il-qofol tiegħu matul il-jum tas-Sibt bil-Konvenzjoni tat-tesserati. Dan hekk kif mat-tokki tad-9 ta’ filgħodu tibda l-votazzjoni uffiċjali.

Fis-6 ta’ Settembru, fil-jum propju tal-elezzjoni għal Kap tal-PN, ser ikun hemm ħames postijiet ta’ votazzjoni – fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pieta, il-Każini tal-PN tal-Imġarr, Ħal Safi u Ħal Tarxien. Apparti li ser tkun qed tkompli wkoll il-votazzjoni f’Ta Sannat f’Għawdex.

Il-postijiet ta’ votazzjoni jiftħu fid-9am kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. U filwaqt li f’Ta Sannat il-vot jagħlaq fil-5pm imbagħad f’Malta jibqa’ għaddej sas-7pm.

Wara l-għeluq tal-votazzjoni, Net TV u Net FM se jkunu qed iħabbru r-riżultat waqt xandira specjali li se titwassal dakinhar. Bis-sehem ta’ kollegamenti mis-sala tal-għadd tal-voti, u diversi mistednin fl-istudios.

Il-ġimgħa li għaddiet saret il-votazzjoni bikrija għal dawk il-persuni kollha li ma setgħux jivvutaw fil-jum propju tal-votazzjoni. S’issa mill-jumejn ta’ votazzjoni li saru, diġa’ vvutaw 40% tal-votanti.

Fl-ewwel jum ivvutaw 15% tal-votanti mbagħad fit-tieni early voting 25% xeħtu l-vot tagħhom.

It-total ta’ tesserati eliġibbli biex jivvutaw jammonta għal madwar 20,600.

Din l-elezzjoni qed tkun ikkontestata minn Alex Borg u Adrian Delia li tefgħu n-nominazzjoni tagħhom wara li għaddew mill-proċess ta’ verifika mmexxi mill-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista.

Dan il-proċess issa se jagħlaq bil-Konvenzjoni Ġenerali, li tiġi fi tmiemha tard is-Sibt filgħaxija meta nassistu għall-ewwel diskors tal-Kap il-ġdid tal-PN.