“Il-Partit Nazzjonalista se jkompli joffri t-tama u se jkompli jaħdem għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu; għaliex il-Partit Nazzjonalista se jkompli juri li huwa l-Gvern alternattiv għal pajjiżna.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul attività li saret fl-aħħar jum tiegħu bħala Kap tal-PN fejn saħaq fuq l-importanza li jkun min ikun il-Kap il-ġdid….il-ħidma favur il-poplu qatt mhi se tieqaf.
Bernard Grech fakkar li sakemm kienet għaddejja din il-kampanja għall-Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista it-tħassib tal-poplu dwar l-għoli tal-ħajja u numru ta’ affarijiet oħra baqgħu hemm. U l-PN baqa’ jaħdem man-nies, u għan-nies.
Apparti minn hekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rringrazzja lill-ħaddiema u l-voluntieri kollha tas-sapport li dejjem urewh matul is-snin li għamel fit-tmexxija.
Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello qal li minn din l-elezzjoni l-Partit Nazzjonalista se joħroġ rebbieħ, filwaqt li fakkar li taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech il-Partit Nazzjonalista kompla miexi ‘il quddiem. U wara din l-elezzjoni il-ħidma se tkompli tissaħħaħ.
Preżenti għal din l-attività kien hemm il-mara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista AnnMarie Grech, il-Viċi Kap Alex Perici Calascione, kif deputati tal-Partit Nazzjonalista.
Preżenti wkoll kien hemm iż-żewġ kandidati għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg u Adrian Delia.
//= $special ?>