Opinjoni

OPINJONI: Gvern li qed jonfoq dak li ma jaqlax

Mill-2020 il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela beda jonfoq bl-addoċċ u ġab fix-xejn il-politika tal-predeċessur tiegħu li kien qed jaħdem biex jibda jibbilanċja l-baġit u hekk ma jkunx hemm iktar bżonn ta’ self. U f’każ li jsir self dan ikun kontrollat. F’Diċembru 2012, l-aħħar sena sħiħa tal-Gvern Nazzjonalista d-dejn tal-Gvern Ċentrali kien €4,659 miljun. Sal-aħħar tal-2020 kien tela’ għal €6,974 miljun. Fl-aħħar ta’ Lulju ta’ din is-sena laħaq €11,162 miljun – €1,393 miljun iktar mill-istess xahar tal-2024. Fi żmien il-pandemija tal-COVID-19 nifhmu għaliex il-Gvern kellu jiddejjen biex l-ekonomija tkompli għaddejja. Iżda meta din battiet u ma baqgħetx iktar theddida, il-Gvern baqa’ jonfoq bl-addoċċ u jiddejjen. Id-dejn li tal-Labour tant kien jħambqu kontrih mhux talli għoġobhom iżda bdew jiddejnu dejjem iktar. Biex illum, jgħidu x’jgħidu, id-dejn tal-Gvern sar insostenibbli

Joe M. Zahra

Għandna Prim Ministru li qed jittieħed mit-titli bombastiċi ta’ Donald Trump. Dak Trump li sejjaħ l-aħħar baġit Amerikan bħala ‘One Big Beautiful Bill’. Robert Abela qed isejjaħ il-baġit li jmiss ta’ pajjiżna bħala “l-aqwa fl-istorja ta’ pajjiżna”. Minn fejn se jġib il-flus jekk m’għandux f’moħħu li jiddejjen ħafna iktar!
Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qed jipprevedi li t-tkabbir reali tal-Prodott Domestiku Gross ikun wieħed moderat minn 5.9 fil-mija s-sena l-oħra għal 3.9 fil-mija din is-sena u 3.3 fil-mija fis-sentejn 2026 u 2027.
F’dawn il-jiem ħarġu ċifri dwar il-Prodott Domestiku Gross (PDG) għat-tieni kwart ta’ din is-sena. Ħarsa lejn il-grafika turi t-tlugħ u l-inżul tal-PDG u kif dan qabad in-niżla. Jekk naraw kif mar il-PDG minn ras għal ras insibu li dan kien ta’ €10,233 fit-tieni kwart tas-sena l-oħra, żdied ħarira għal €10,474 fit-tielet kwart, niżel għal €10,208 fir-raba’ kwart. Kompla għodos għal €9,975 fl-ewwel kwart ta’ din is-sena u tela’ għal €10,496 fit-tieni kwart – qrib dak li kien disa’ xhur ilu! Ċifri li jikkonfermaw li l-ġid nazzjonali mhux jiżdied kif għandu jiżdied u li l-previżjonijiet tal-Bank Ċentrali huma pjuttost ottimistiċi!
Fl-2024 iż-żieda netta fin-nefqa tal-Gvern żdiedet bi 15 fil-mija, iktar mid-doppju tar-rata ta’ 5.9 fil-mija li l-Ministru ta’ Finanzi ftiehem li tkun mal-Kummissjoni Ewropea. Is-sitwazzjoni fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena hi anke agħar. In-nefqa żdiedet bi 12.5 fil-mija meta d-dħul tal-Gvern żdied b’biss tnejn fil-mija.

Żbilanċ ikbar
Dan wassal biex l-iżbilanċ fil-finanzi tal-Gvern kompla kiber għal €518-il miljun. Lil min tgħidha li d-dħul mill-VAT flok żdied naqas b’€44 miljun meta kellna żieda fil-popolazzjoni u żieda fit-turisti! Meta suppost kellna żieda fil-konsum. Meta l-prezzijiet minn barra qed ikomplu jogħlew u allura d-dħul tal-Gvern mill-VAT suppost ikompli jogħla. L-istess jista’ jingħad għad-dħul mill-income tax. Dan naqas bi €22 miljun meta fl-istess perjodu s-sena l-oħra kien hemm żieda ta’ €346 miljun. Dan fl-istess waqt li l-Gvern din is-sena diġà ssellef €970 miljun. Il-Gvern jonfoq dak li ma jaqlax imbagħad meta jiġi l-baġit jara kif jillapazza.
Għandna f’idejna x’daħħal u ħareġ il-Gvern fl-ewwel seba’ xhur tas-sena. Jidher li l-estimi li għamel marru żmerċ. Jirriżulta li d-dħul li kien qed jistenna ma rriżulax. Li n-nefqa kienet ikbar milli kien proġettat. Fil-fatt id-dħul żdied b’biss 0.3 fil-mija, jew b’€14-il miljun. Minn naħa l-oħra l-ħruġ żdied b’14.7 fil-mija – b’€592 miljun.

Infiq inkontrollabbli
Hemm infiq li spiċċa inkontrollabbli. Fost dan hemm in-nefqa fuq il-pagi u s-salarji. Dawn żdiedu b’€117-il miljun – minn €695 miljun għal €812-il miljun. Jirriżulta minn ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li f’Marzu li għadda kien hemm jaħdmu full-time mas-settur pubbliku 53,973. Żieda ta’ 2,116 fuq is-sena ta’ qabel u 3,165 fuq Marzu tal-2023. Fi tnax-il sena, mill-2013 il-ħaddiema full-time mal-Gvern żdiedu bi 13,365 – jew bi 33 fil-mija. Dawn ma jirriżultax li jinkludu l-eluf li l-Gvern iqabbad permezz tal-kuntratturi. Eluf ta’ ħaddiema Maltin u eluf iktar ta’ ħaddiema barranin li l-kuntrattur jgħaddi lill-Gvern u li minn fuqhom jaqla’ hu wkoll!
Fi ftit ġimgħat oħra l-Gvern iħabbar il-baġit għall-2026. Hawnhekk tidħol il-‘magic wand’, il-virga maġiku li tibdel dak kollu negattiv f’pożittiv għal għajnejn il-poplu. Hawnhekk tidħol xi skoperta fid-dħul tal-Gvern bħal dik li kellna fl-aħħar tas-sena l-oħra meta mill-income tax daħħal €370 miljun iktar! Miljuni li s’issa ma nafux minn fejn ġew. Li nafu li sa Lulju konna għadna qed inbatu minn dak id-dħul straordinarju għaliex kien rifless fi dħul inqas għal seba’ xhur wara xulxin.
Irridu naraw ukoll il-Ministru tal-Finanzi din is-sena xi skuża se jġib lill-Kummissjoni Ewropea biex juri għaliex nefaq ħafna iktar milli ftiehem. Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser. Anke fil-finanzi ddawwar kemm iddawwar iċ-ċifri llum jew għada r-riżultat veru joħroġ. Imbagħad addio l-ikbar baġit li qatt kellna. Bħalma kien għal Trump addio l-‘One Big Beautiful Bill’ għaliex hi l-maġġoranza tal-poplu Amerikan li ntlaqtet ħażin. Is-sinjuri saru dejjem iktar sinjuri! Kif qed jiġri f’pajjiżna bis-sinjuri jsiru iktar sinjuri u l-bqija jibqgħu lura. Bid-distakk bejn min għandu ħafna u min għandu ftit dejjem jitwessa’.

It-tkabbir tal-ġid nazzjonali (PDG) kif jirriżulta minn tabella li dehet ma’ stqarrija Nru 155/2025 tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 5 ta’ Settembru, 2025.