Ivan Agius, raġel ta’ 52 sena minn Bormla li jaħdem bħala ġardinar, qed jinżamm taħt arrest preventiv wara li allegatament gidem suba ta’ raġel ieħor waqt argument fiżiku li seħħ f’Bormla. Agius ġie mixli li weġġa’ gravi lill-vittma, li insulta, li kiser il-paċi pubblika, u li huwa reċediv.
Huwa qed jaffaċċja wkoll akkuża li kiser ordni ta’ ħelsien kondizzjonat li kienet diġà ngħatatlu minn qabel. Fil-Qorti, l-Ispettur Gabriel Kitcher spjega li l-inċident seħħ ilbieraħ, u li matul il-ġlieda, Agius allegatament gidem suba tal-vittma, li issa jinsab l-isptar u jeħtieġ intervent kirurġiku.
Għalkemm ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni għall-validità tal-arrest, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, minħabba s-serjetà tal-każ u l-fatt li l-vittma għadu ma xhiedx. L-avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Godwin Cini, żied jgħid li l-akkużat diġà kiser kundizzjonijiet qabel u għalhekk mhuwiex affidabbli.
L-Avukat tad-difiża Marcus Ciantar qal li l-akkużat kien lest josserva kwalunkwe kundizzjoni u argumenta li l-probabbiltà ta’ kuntatt mal-vittma kienet żgħira ħafna peress li l-vittma għadu l-isptar. Il-Maġistrat ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ordna li Agius jibqa’ miżmum taħt arrest.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Gabriel Kitcher u mill-Avukat Godwin Cini. L-Avukat Marcus Ciantar qed jidher għall-akkużat, u l-Avukat Ana Thomas qed tidher għall-vittma.
//= $special ?>