Raġel ta’ 35 sena spiċċa fil-bank tal-akkużati wara li allegatament uża vjolenza morali u psikoloġika fuq il-ġenituri tiegħu ta’ 75 sena sabiex jagħtuh il-flus biex ikompli jiffinanzja l-vizzju tiegħu tad-droga — anke jekk dan kien ifisser li dawn kienu jispiċċaw mingħajr ikel u jidħlu fid-dejn.
Il-każ instema’ l-Ġimgħa fil-Qorti, fejn l-akkużat, li jaħdem fil-kostruzzjoni u huwa residenti Bormla, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, mhux biss li juża vjolenza morali u psikoloġika biex iġiegħel lill-ġenituri tiegħu jagħtuh il-flus, iżda li jhedidhom bil-vjolenza u li jittanta jbeżżagħhom.
L-Ispettur Sherona Buhagiar spjegat kif il-ġenituri ressqu rapport mal-pulizija għall-ħabta ta’ nofs il-lejl tal-3 ta’ Settembru. Huma spjegaw kif binhom ilu 15-il sena fuq id-droga u għal dawn l-aħħar snin kien kważi kuljum jitlob il-flus mingħandhom — xi drabi anke b’għajjat u theddid sakemm jagħtuh dak li jrid.
Il-missier iddikjara mal-pulizija li mhux l-ewwel darba li ibnu jċemplilhom f’nofs ta’ lejl u jobligah joħroġ jiġbed il-flus mill-ATM biex jagħtihomlu. L-anzjani rrakkontaw kif spiss jispiċċaw bla ikel u għandhom dejn mal-ħwienet tal-viċin, minħabba li jagħtu l-flus kollha lil binhom.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi, fosthom dik tar-reċidiva. L-avukat tad-difiża Yanika Bugeja, qalet li ma setgħetx titlob il-ħelsien mill-arrest għaliex l-akkużat m’għandux indirizz alternattiv fejn jista’ joqgħod. Hija sostniet ukoll li s-sitwazzjoni tiegħu se tkompli tiggrava għax issa qed jirriskja li jitlef ix-xogħol.
Il-Qorti semgħet kif l-akkużat kien għadu kemm temm programm ta’ riabilitazzjoni residenzjali, iżda wara argument mal-ġenituri tiegħu, reġa’ waqa’ fil-vizzju tad-droga. Spjega li kien talab lill-ġenituri biex jgħix f’residenza oħra tagħhom fiż-Żabbar, iżda missieru insista li jibqa’ jgħix magħhom f’Bormla. Minn hemm, skont hu, reġa’ waqa’ lura fid-droga.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Nadia-Helena Vella, ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-ġenituri tiegħu. L-Ispettur Sherona Buhagiar mexxiet il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-Avukat Yanika Bugeja dehret għal akkużat.
//= $special ?>