Internazzjonali

Renju Unit: ‘L-ebda alternattiva ħlief riżenja’…. Il-Viċi-PM Laburista tħallas għan-nuqqasijiet fl-obbligi tat-taxxa

Il-Partit Laburista fil-Gvern sofra daqqa ta’ ħarta devastanti bir-riżenja ta’ Angela Rayner minn Viċi-Prim Ministru tar-Renju Unit,….Riżenja li tirrifletti wkoll ħażin fuq il-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, fost akkużi li hu qed jitlef il-kontroll tal-Kabinett tiegħu.

Rayner ħadet il-pass wara li kienet ilha l-ġimgħat taħt pressjoni mill-media….Dan wara li ħareġ fil-pubbliku l-fatt li hi naqset milli tħallas it-taxxa dovuta fuq it-tieni proprjetà tagħha – f’dan il-każ appartament – li tinsab fl-inħawi ta’ Hove, f’East Sussex.

B’konsegwenza ta’ dan, Rayner kienet imġiegħelha tirriżenja wkoll minn Vici-Kap tal-Partit Laburista u fl-aħħar sigħat kienet għaddejja l-fażi inizjali ta’ reshuffle fil-Kabinett ta’ Starmer.

Angela Rayner, li, bħala deputat parlamentari, tirrappreżenta lill-kostitwenza ta’ Ashton-under-Lyne,  ftit tal-jiem ilu kienet dehret quddiem il-konsulent dwar l-etika mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru wara li hi ammettiet li ma ħallsitx il-bolla dovuta fuq l-appartament b’valur ta’ 800,000 Sterlina.

Sadanittant, Rayner, fl-ittra ta’ riżenja, sostniet li qed taċċetta r-responsabbiltà ‘mija-fil-mija’ għan-nuqqasijiet tagħha u talli hi deċidiet biex ma tmurx għal aktar pariri rigward l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq it-tieni proprjetà.

Fl-aħħar sigħat, dokument partikulari magħruf bħala The Ethics Report, ikkonferma li Rayner kisret il-kodiċi ministerjali u li hi, f’dan il-każ, lanqas ‘ma mxiet bil-livell ta’ kawtela dovut, skont ma suġġerewlha l-konsulenti legali’.

L-osservaturi politiċi, fl-istess ħin, qalu li r-riperkussjonijiet tar-riżenja għandhom ikunu kbar għall-Prim Ministru Starmer li dejjem sab spalla f’Angela Rayner…Dan speċjalment waqt il-‘kriżi tal-protesti kontra l-immigrazzjoni illegali’ li għaddejjin bħalissa fl-ibliet tar-Renju Unit.

Sadanittant, Starmer, bagħat ittra lil Rayner fejn esprima d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li hi mhix se tkompli bħala membru tal-Gvern – iżda l-Prim Ministru tenna wkoll li l-eks-Viċi-PM għandha tibqa’ xorta ‘personalità ewlenija’ fost il-Laburisti Britanniċi.

  • Għadu kemm sar magħruf li David Lammy ħa post Angela Rayner bħala l-Viċi Prim Ministru ta’ Keir Starmer.
  • Dan fost il-konklużjoni tar-reshuffle fil-Kabinett Britanniku.
  • Steve Reed hu s-Segretarju ġdid responsabbli mill-Housing waqt li David Lammy qed jieħu wkoll id-deskasteru ta’ Segretarju għall-Ġustizzja.
  • Yvette Cooper sadanittant qed tieħu post Lammy bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin, bil-Ministeru għall-Intern jgħaddi għal idejn Shabana Mahmood.