Internazzjonali

Rivelazzjoni sorprendenti….Il-mibki kantant David Bowie kien qed jaħdem fuq ‘musical’ qabel mewtu

Il-mibki kantant popolari, David Bowie, kellu proġett finali sigriet li kien qed jaħdem fuqu qabel mewtu, f’Jannar tal-2016…Proġett mhux komplut li d-dettalji tiegħu qed ikunu żvelati issa u li jinvolvi musical b’tema bażata fuq il-ħajja f’Londra matul is-Seklu Tmintax.

Bowie, imlaqqam The Thin  White Duke u li jibqa’ imfakkar għall-kanzunetti Space Oddity, Starman u Golden Years, miet bil-kanċer fl-età ta’ 69 sena. Intant, kien biss fl-aħħar sigħat li tħabbret is-sejba ta’ xi noti, li kienu msakkrin f’waħda mill-kmamar tal-kantant u li żvelaw il-pjani ta’ Bowie għall-musical bl-isem The Spectator.

Qed jingħad li David Bowie beda jaħdem fuq il-musical minħabba li kien ilu affaxxinat bil-kuntrast bejn is-soċjetà ta’ Londra u l-mewġa tal-kriminalità evidenti fil-kapitali Britannika matul is-Seklu Tmintax.

Id-dilettanti tal-mużika ta’ David Bowie se jkunu jistgħu jaraw in-noti oriġinali relatati mal-hekk-imsejjaħ ’18 th century muisical’ ladarba jiftaħ il-Bowie Centre f’Londra fit-13 ta’ Settembru.

L-aħħar album ta’ David Bowie jismu Blackstar u l-eżistenza ta’ ta’ The Spectator lanqas ma kienu jafu biha l-eqreb kollaboraturi tal-kantant. In-noti relatati mal-proġett issa ngħataw b’donazzjoni lill-V&A Museum – bħall-kumplament  tal-arkivju ta’ Bowie.

Uħud min-noti żvelati fost oħrajn jindikaw il-faxxinu enormi ta’ David Bowie għall-iżvilupp tal-arti u s-satira f’Londra waqt l-era speċifika  — u b’aċċenn speċjali għall-istejjer dwar il-gangs popolari li kienu jikkontrollaw diversi zoni tal-kapitali.