Lokali Qorti

Sentenza ta’ ħabs fuq moħqrija tal-annimali u biża’ fuq l-eks sieħba u binha trid terġa’ tingħata

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, laqgħet l-appell preliminari mressaq minn Lourdes Schembri kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati tat-22 ta’ Mejju 2025, wara li ġie osservat li l-ewwel Qorti ċitat artikolu tal-liġi li ma jeżistiex. Għaldaqstant is-sentenza trid terġa’ tingħata mill-ġdid mill-Qorti tal-Maġistrati.

Schembri ta’ 41 sena minn Ħal Għargħur f’Mejju kienet intbagħtet 30 xahar ħabs għax instabet ħatja li qatlet żewġt iklieb u weġġgħet ieħor. Ma’ dan hija nstabet ħatja li tat fastidju u kkaġunat biża’ lill-ex sieħba tagħha u lit-tifel tal-ex sieħba li kellu 10 snin.

Hija kienet ġiet mmultata wkoll €15,000 mill-Qorti tal-Maġistrati. Madankollu, waqt l-appell, il-Qorti tal-Appell Kriminali sabet li s-sentenza kienet tinkludi żball gravi, jiġifieri kienet tikkwota artikolu tal-liġi li ma jeżistix.

Il-każ seħħ bejn l-2015 u l-2017. Fil-Qorti tal-Maġistrati kienu ħarġu affarijiet xokkanti fosthom kif ġieli waddbet kelb mill-bejt għall-bitħa u kif kienet tgħajjar lit-tifel “jalla terġa’ timrad bil-kanċer”. Mill-provi ħareġ li t-tifel tant kien jibża’ minnha li kien jippreferi jiekol l-ikel tal-klieb milli jitlobha l-ikel.

Schembri kienet ġiet akkużata b’diversi reati serji, fosthom moħqrija ta’ annimal, fastidju, biża ta’ vjolenza, ksur tal-paċi, u oħrajn. L-ewwel Qorti kienet illibberatha minn ċerti imputazzjonijiet iżda sabitha ħatja ta’ oħrajn u kkundannatha għal 30 xahar ħabs u multa ta’ €15,000.

Fil-Qorti tal-Maġistrati t-tifel xehed li waqt li l-imputata kienet tgħix magħhom, kellhom diversi klieb fid-dar u li Lourdes kienet taħqarhom regolarment. Huwa qal li kienet tbellalhom ħafna ilma bl-intenzjoni li toqtolhom, li sabbtet wieħed mal-ħajt u kissritlu snienu sakemm miet, u li oħrajn kienet saħansitra waddbithom minn fuq il-bejt għal bitħa għal diversi drabi.

It-tifel xehed ukoll li Schembri kienet issawwat lil ommu u darba minnhom kienet se tħabbatha mal-ħajt. Qal li darba marret għal ommu b’sikkina. Qal li l-imputata kienet tmur għalih l-iskola għax ommu kienet tkun xogħol.

It-tifel qal ukoll li meta kien ikollu l-ġuħ kien jispiċċa jiekol l-ikel tal-klieb għax l-imputata ma kinitx ittih jiekol u kienet tgħidlu jistenna sa filgħaxija. Qal li meta kienet taqbdu jiekol il-ħelu kienet issawtu bl-ixkupa jew b’idejha. Qal li ġieli sabtitu mal-ħajt. Meta ommu kienet tara t-tbenġil kien jgħidilha li waqa’ t-taraġ.

Omm it-tifel ikkonfermat ix-xhieda u rrakkuntat kif anke wara li l-imputata ħaslet il-bejt, baqa’ demm mal-ħitan, u wieħed mill-klieb miet bix-xedaq miksur. Veterinarju xehed ukoll u qal li l-klieb li ġie esaminat kellu problemi newroloġiċi, wera sinjali ta’ uġigħ u kellu demm taħt għajnejh. Il-prosekuzzjoni spjegat li t-tifel kien qalilhom li Lourdes qatlet tliet iklieb.

Lourdes Schembri ċaħdet l-akkużi, qalet li kienet tħobb lill-annimali u li kienet tieħu ħsiebhom, tagħtihom l-ikel u teħodhom għand il-veterinarju. Allegat li każ wieħed kien inċident fejn kelba waqgħet mit-taraġ u oħra mietet bix-xjuħija.

Il-Qorti tal-Appell qalet li osservazzjoni oħra hi li kienet ingħatat Ordni ta’ Trażżin favur il-vittmi u l-Qorti kienet ordnat ukoll ċerti miżuri ta’ protezzjoni. Dan l-iżball jammonta għal nuqqas ta’ formalità sostanzjali, li skont il-ġurisprudenza jfisser li s-sentenza trid tiġi revokata, iżda mhux il-proċess kollu, imma biss is-sentenza.

Schembri se terġa’ titpoġġa fil-pożizzjoni li kienet fiha immedjatament qabel ma nġiet ippronunzjata s-sentenza, u tingħata sentenza mill-ġdid, din id-darba b’riferiment korrett għall-artikoli tal-liġi applikabbli. Schembri ppreżentat diversi aggravji fosthom li l-Ewwel Qorti għamlet apprezzament parzjali u applikat ħażin il-liġi.

Madankollu, il-Qorti tal-Appell ma daħlitx fil-mertu tal-fatti iżda eżaminat il-validità tal-istess sentenza fid-dawl tal-obbligu tal-Qorti li tindika b’mod ċar l-artikolu tal-liġi taħt liema persuna tkun instabet ħatja, kif preskritt fl-Artikolu 382 tal-Kapitolu 9.

Il-Qorti sabet li l-użu ta’ artikolu li ma jeżistix jammonta għal nuqqas ta’ formalità sostanzjali, li jikkawża n-nullità tas-sentenza – iżda mhux tal-proċess kollu. Għaldaqstant, il-Qorti ordnat li l-proċess jerġa’ jinbeda mill-punt eżatt qabel ma ġiet mogħtija s-sentenza, biex din tingħata mill-ġdid u skont il-liġi.

Finalment, il-Qorti ordnat ukoll id-divjet tal-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-partijiet ċivili, sabiex jiġi protett l-interess tal-vittmi. L-Ispettur Paula Ciantar mexxiet il-prosekuzzjoni.