Matul l-aħħar sigħat Malti ta’ 49 sena residenti Bormla ġie arrestat b’rabta ma’ serqa li seħħet ilbieraħ filgħaxija minn ħanut fix-Xagħra, Għawdex.
Il-Malti ġie arrestat f’appartament li jinsab ix-Xagħra bil-vettura li ntużat fl-istess reat u li kienet irrapportata misruqa, instabet ukoll abbandunata fix-Xagħra stess.
Kienu għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija, xħin il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza fi Vjal it-8 ta’ Settembru, ix-Xagħra, hekk kif persuna, allegatament armata b’arma tan-nar, daħlet f’ħanut tal-merċa.
Fuq il-post immedjatament marru l-Pulizija fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li l-allegat ħalliel mar fuq il-post b’karozza, daħal fil-ħanut, ipponta l-arma fid-direzzjoni tal-kaxxiera, ħataf il-kexxun tal-flus u wara ħarab minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti bl-istess vettura, li fiha x’aktarx kien hemm kompliċi.
Minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li din il-karozza kienet insterqet ftit tal-ħin qabel mix-Xewkija.
Waqt li bdiet tfittxija għall-allegat ħallelin, il-Pulizija waslitilha informazzjoni li wieħed minnhom x’aktar qiegħed fil-Port tal-Imġarr.
Minnufih fuq il-post marru l-Pulizija fejn arrestat Taljan ta’ 47 sena residenti San Pawl il-Baħar, li kien se jipprova jaħrab lejn Malta.
Ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ, bil-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet u tfittxija għal persuna
l-oħra li allegatament kienet involuta fis-serqa.
Il-Maġistrat Dr Simone Grech ġiet infurmat bil-każ u ħatret inkjesta.
//= $special ?>