Lokali

Serqa minn ħanut f’Għawdex

Il-Pulizija qiegħda tinvestiga serqa li seħħet ilbieraħ filgħaxija minn ħanut fix-Xagħra, Għawdex.

Kienu għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija, xħin il-Pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza fi Vjal it-8 ta’ Settembru, ix-Xagħra, hekk kif persuna, allegatament armata b’arma tan-nar, daħlet f’ħanut tal-merċa.

Fuq il-post immedjatament marru l-pulizija fejn minn stħarriġ preliminari rriżulta li l-allegat ħalliel mar fuq il-post b’karozza, daħal fil-ħanut, ipponta l-arma fid-direzzjoni tal-kaxxiera, ħataf il-kexxun tal-flus u wara ħarab minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti bl-istess vettura, li fiha x’aktarx kien hemm kompliċi.

Minn aktar investigazzjonijiet irriżulta li din il-karozza kienet insterqet ftit tal-ħin qabel mix-Xewkija.

Waqt li bdiet tfittxija għall-allegat ħallelin, il-Pulizija waslitilha informazzjoni li wieħed minnhom x’aktar qiegħed fil-Port tal-Imġarr.

Minnufih fuq il-post marru l-Pulizija fejn arrestat lir-raġel, li kien se jipprova jaħrab lejn Malta.

Ħadd ma weġġa’ f’dan il-każ, bil-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet u tfittxija għal persuna
l-oħra li allegatament kienet involuta fis-serqa.

Il-Maġistrat Dr Simone Grech ġiet infurmat bil-każ u ħatret inkjesta.