Carlos Pace ta’ 23 sena u missieru Keith ta’ 45 sena tressqu l-Qorti nhar il-Ġimgħa filgħaxija akkużati b’estorsjoni (prattika li tikseb xi ħaġa, speċjalment flus, permezz tal-forza jew theddid) fil-konfront ta’ ġojjellier u wettqu vjolenza kontrih sabiex iġiegħluh jagħmel xi ħaġa kontra l-volontà tiegħu.
It-tnejn ġew mixlija wkoll bi fastidju, użu ħażin ta’ tagħmir elettroniku, kif ukoll li kkommettew reati waqt sentenza sospiża jew taħt ordni ta’ superviżjoni. Carlos Pace kien fost 12-il persuna arrestata ftit jiem wara li 226 kilo kannabis resin insterqu mill-faċilità tal-Forzi Armati f’Ħal Safi f’Frar li għadda.
F’dik il-kawża, missieru Keith kien ammetta li hedded u insulta ġurnalisti waqt li kien tressaq ibnu. Fl-aħħar każ, Carlos, li jaħdem bħala sewwieq tat-taxi, ġie akkużat li kiser kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest mogħtija f’Ġunju u li wettaq reat waqt li kien taħt ordni ta’ superviżjoni ta’ tliet snin kif ukoll waqt sentenza sospiża.
Keith Pace, li jaħdem fil-kostruzzjoni, ġie akkużat li hedded lill-Ispettur tal-Pulizija John Sammut, li kiser kundizzjonijiet ta’ probation, li kiser sentenza sospiża u kundizzjonijiet ta’ bail mogħtija fl-2019. It-tnejn wieġbu mhux ħatja.
L-Ispettur Sammut qal li l-investigazzjoni bdiet wara li Carlos kien irrapporta li nsteraq xi deheb minn daru fil-Marsa. Meta mistoqsi mid-difiża jekk l-akkużati kellhomx informazzjoni li d-deheb instab għand ġojjellier partikolari, l-Ispettur Sammut ikkonferma li kienu infurmawh. Żied jgħid li Keith Pace allegatament hedded lill-ġojjellier b’messaġġi u wegħdu li se “jpattiha qares” għax jaf fejn joqgħod.
Fil-Qorti ntqal li l-każ tad-deheb insteraq għadu qed jiġi investigat mill-Ispettur Francesca Calleja u hemm inkjesta għaddejja. Id-difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono qalet li l-intenzjoni tal-klijenti tiegħu ma kinitx biex jisirqu, iżda biex jieħdu lura dak li hu tagħhom. Keith Pace stqarr li mar darbtejn għand il-Pulizija u ntbagħat ‘l hemm.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Roderick Attard u John Sammut oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, minħabba l-passat kriminali estensiv tal-akkużati, l-biża’ ġenwina tal-allegat vittma u n-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-missier.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Nadia-Helena Vella, ċaħdet it-talba għall-bail u ordnat li ż-żewġ akkużati jinżammu arrestati. Id-difiża kienet rappreżentata mill-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit.
//= $special ?>